Skema ġdida ser isserraħ moħħ persuni li jgħixu maġenb siti ta’ kostruzzjoni.
Dan hekk kif permezz tal-iskema għall-ġid tal-komunità, l-iżviluppatur ser ikollu iħallas analiżi tal-condition report u method statement tal-ġirien fuq proġetti ta’ skavar u twaqqigħ.
Hekk ħabbar il-Ministru Aaron Farrugia li spjega kif dawn ir-regoli, li ser ipoġġu rekwiżiti ġodda fuq l-iżviluppatur issa jridu jitressqu għall-konsultazzjoni pubblika.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Komplejna għaddejjin bir-riforma fl-industrija tal-kostruzzjoni biex nagħmluha aktar sostennibbli. Illum qed inniedu konsultazzjoni pubblika fejn qegħdin ngħidu li f’sit ta’ kostruzzjoni fejn qed isir it-twaqqigħ jew skavar, il-ġar għandu d-dritt li jqabbad il-perit tiegħu biex itih il-pariri neċessarji u jkun l-iżviluppatur, id-developer allura, illi jħallas għalih.”
Huwa nnota kif din l-iskema hija simili ta’ inizjattiva li l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi f’pajjiżna kienet introduċiet għall-membri tagħha fuq bażi volontarja.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius spjega kif din l-iskema ser tkun tiggarantixxi s-serħan il-moħħ liċ-ċittadini li maġenb il-propjetà tagħhom tkun għaddejja l-kostruzzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Agius sostna: “L-ispejjeż għal tali proġett, għal tali xogħol ser ikunu mbagħad merfugħa mill-kuntrattur involut. Dan ma jkunx jaqbeż is-somma ta’ ħames mitt ewro. Dan hu pass ieħor importanti ‘l quddiem sabiex ikollna aktar serħan il-moħħ f’dan is-settur tant importanti.”