Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo indirizza l-ftuħ ta’ seminar informattiv għall-operaturi tal-irziezet tat-tonn.
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali nieda t-tielet seminar minn sensiela ta’ ħamsa bil-għan li jkun hemm aktar għarfien dwar l-importanza tal-politika komuni tas-sajd u r-regolamenti tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jingħeleb is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolarizzat.
Dan is-seminar jiffoka fuq żewġ punti kardinali: dak li jinforma u jispjega lill-parteċipanti x’inhuma l-obbligi tagħhom filwaqt li jisma’ x’inhuma d-diffikultajiet tagħhom biex ikun jista’ jiddiskuti kif ukoll iwassal dawn il-problemi fil-fora Ewropea ta’ diskussjonijiet relatati. Din l-inizjattiva hija waħda minn diversi proġetti li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura qed jimplimenta biex isaħħaħ il-monitoraġġ u l-kontroll tas-sajd.
Il-Ministru Anton Refalo fisser li, Malta timporta madwar 9,000 tunellata ta’ tonn kull sena bejn is-sitt irziezet tat-tonn lokali li bejniethom jipproduċu ammont esportat li jagħmel lill-pajjiżna l-ikbar stat ta’ produzzjoni fil-pajjiżi kollha msieħba fil-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku (ICCAT).
Il-Ministru Refalo sostna li f’konformità mal-politika attwali, il-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ din l-industrija Maltija u għalhekk inħasset il-ħtieġa li wieħed minn dawn is-seminars ikun indirizzat lejn l-operaturi tal-farms tat-tonn. Ir-raġuni ewlenija hija n-neċessità biex din l-industrija tkun tista’ tikber u tkun konformi mal-liġijiet tal-ICCAT u dawk Ewropej.