Għal Bernard Grech l-aħħar żviluppi fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia frott il-ħidma tal-Korp tal-Pulizija saru bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista.
Hekk stqarr f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis wara nofsinhar, l-għada li l-pulizija ressqet iżjed persuni l-Qorti b’rabta mal-każ, bil-kummissarju tal-pulizija jgħid li l-investigazzjonijiet juru li kull persuna allegatament involuta fid-delitt ta’ Caruana Galizia issa tinsab quddiem il-ġustizzja. Madankollu għal Bernard Grech dan seħħ bis-saħħa tal-Partit li jmexxi hu flimkien mal-għaqdiet Occupy Justice u Repubblika, li kien jagħmel parti minnhom qabel laħaq Kap tal-partit.
Meta mistoqsi minn ONE NEWS jekk fid-dawl tal-iżviluppi li saru fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-aħħar jiem, l-istituzzjonijiet f’pajjiżna hux jaħdmu, Bernard Grech kien skomdu jwieġeb. Saħansitra spiċċa jgħid li ma jridx ipaxxina u jgħid jekk l-istituzzjonijiet hux jaħdmu.
Fid-diskors li qara fil-konferenza tal-aħbarijiet, Bernard Grech kompla jiskredita l-pulizija.