Raġel li fil-passat diġà nstab ħati li wettaq numru ta’ reati u li bħalissa jinsab mixli bil-qtil ta’ Simon Grech lura fl-2005, ġie meħlus mill-akkużi relatati ma’ serqa ta’ karozza Mercedes ta’ wieħed mill-aħwa Maksar.
Ismael Habesh mil-Libja kien akkużat bis-serq aggravat tal-vettura Mercedes ta’ Robert Agius.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li l-kameras tas-sigurtà fl-akwati taw stampa ċara tal-każ kif ġara u huma indikattivi ħafna. Fis-sentenza tagħha l-Qorti innotat kif huwa ċar li fil-karozza kien hemm oġġett li fuqu qam diżgwid.
Il-filmati mill-kameras tas-sigurtà urew kif l-akkużat u Agius ġew fl-idejn u Habesh spiċċa ġie f’pussess ta’ arma tan-nar. Dan wassal biex Agius u sħabu ħarbu jiġru sabiex jistkennu. Habesh daħal fil-karozza ta’ Agius u telaq minn fuq il-post biex imbagħad irritorna bil-karozza ftit tal-minuti wara.
L-allegat vittma tas-serqa għażel li ma jixhidx sabiex ma jinkriminax lilu nnifsu u għalhekk ma setax ikun stabbilit jekk l-akkużat kienx ħa l-karozza tiegħu għal dan il-perjodu qasir bil-kunsens tiegħu.
Madankollu Agius kien qal mal-pulizija li hu kien qed isuq lil sieħbu u t-tfajla tiegħu meta waqaf jixtri ftit ilma. Kien hemmhekk fejn Habesh daħal fil-karozza u beda jsuq il-quddiem u lura. Qal kif meta staqsieh x’ried, qallu biex itih €20,000 jew joqtlu. Agius qal li kien offrielu €200 biex jagħlquha hemm. Huwa kien qal li Habesh kellu żewġ persuni jgħinuh.
L-akkużat assistit mill-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila kien meħlus minn kull akkuża u nstab ħati biss li wettaq disturb.