Dawk kollha li jaħdmu għal rashom jew huma sidien ta’ negozji żgħar u medji se jkunu jistgħu jitħarrġu rigward kif jippjanaw il-finanzi tagħhom bl-aħjar mod possibbli.
Dan permezz ta’ ftehim, li ġie ffirmat bejn it-taqsima ĠEMMA fil-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.
ĠEMMA ħejjiet strateġija nazzjonali dwar il-kapaċità finanzjarja sabiex tiddentifika diffikultajiet fis-separazzjoni tal-ispejjeż tan-negozju u tal-familja, għarfien dwar l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u pjannar fit-tul għall-irtirar.
Il-President tal-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji Paul Abela spjega kif dan il-ftehim se jwassal għall-gwida finanzjarja.
Is-Sur Abela qal, “Niggwidawhom x’jistgħu jagħmlu matul dak iż-żmien li huma jkunu qed jaħdmu għal rashom, għaliex dawk li jaħdmu għal rashom ma għandhomx ħin jaħdmu waħidhom irid jaqla’ l-għejxien tiegħu bil-ħidma tiegħu ta’ kuljum u allura din l-inizjattiva se tkun tista’ tgħinhom biex jippjanaw aħjar.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-ftehim huwa s-seba’ ftehim fuq il-kapaċità finanzjarja u saħaq li ftehim bħal dan ħa jħalli l-ġid f’pajjiżna.
Huwa sostna: “Dan huwa ftehim li huwa magħmul ma’ settur importanti ħafna, qed nitkellmu fuq is-settur ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u l-kamra tan-negozji żgħar u medji li huma is-sinsla tan-negozju Malti u li nistgħu naħdmu ma’ settur bħal dan hija xi ħaġa li żgur se tħalli l-ġid.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali, Mark Musù saħaq li dan it-taħriġ huwa importanti għal meta persuna jiġi biex jirtira għaliex filwaqt li hemm il-pensjoni tal-istat, wieħed jista’ jinvesti f’pensjoni privata biex ikollu dħul addizzjonali.