Il-membru tal-Kumitat LIBE, l-Ewroparlamentari Olandiża Sophie in ’t Veld faħħret ir-riformi kbar li għamel pajjiżna sabiex ikompli jsaħħaħ is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
In ’t Veld qalet dan waqt intervista kmieni l-Erbgħa filgħodu fuq il-Euronews, sigħat wara li Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu ġie kkundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Mistoqsija dwar dan l-iżvilupp kruċjali fil-każ ta’ qtil ta’ Caruana Galizia, in ’t Veld lissnet is-sodisfazzjon tagħha hekk kif issa huwa mistenni li Vince Muscat jipprovdi aktar dettalji dwar il-qtil.
Kien hawnhekk li l-Ewroparlamentari Olandiża faħħret ir-riformi kbar li wettaq pajjiżna fl-aħħar sena fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
Sophie in ‘t Veld qalet, “If you look specifically at Malta also Slovakia, a lot of steps have been taken to reform the way the people are being appointed to ensure independence of the authorities.”
Intant in ’t Veld sostniet l-importanza li l-investigazzjonijiet jitwettqu fl-intier kollu tagħhom sabiex dan il-kapitlu f’pajjiżna jingħalaq.
Sostniet ukoll kif tittama li pajjiżi oħra fl-Ewropa jsegwu r-riformi kbar li wettqet Malta:“Reforms are good they are welcome we commend the Government of Malta, the Government of Slovakia. We would also hopes that other countries would go to follow their example.”
Il-Euronews irrapporta wkoll l-istqarrija tal-Prim Ministru Robert Abela, it-Tlieta filgħaxija b’rabta mal-iżviluppi li seħħew matul il-jum.
Żviluppi li skont il-Prim Ministru, urew kemm verament tirrenja s-saltna tad-dritt f’Malta.
Il-Prim Ministru tenna: “Il-Gvern jibqa’ kommess li jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fil-ħidma tagħhom favur is-sewwa. Malta hija pajjiż fejn tabilħaqq tirrenja s-saltna tad-dritt.”