Il-Prim Ministru Robert Abela qed jimbotta ‘l quddiem suq wieħed għall-mediċini fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Ittra li Dr Abela bagħat fl-aħħar jiem lil President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel dwar dan ingħatat prominenza mis-sit awtorevoli Politico fejn intqal kif il-Prim Ministru se jkun qed imexxi ‘l quddiem l-idea ta’ xiri konġunt fuq għadd ta’ mediċini.
Il-Prim Ministru Malti mistenni jressaq ‘il quddiem din il-politika f’laqgħa virtwali oħra tal-Kunsill Ewropew li se ssir il-Ħamis li ġej bejn il-mexxejja Ewropej.
Malta trid li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel iżjed fuq ix-xiri konġunt tal-mediċini hekk kif bħalissa kumpanija tal-farmaċewtika tista’ titfa’ f’suq ta’ stat membru partikolari ċertu mediċina iżda ma titfax din l-istess mediċina f’suq ta’ pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
“L-aċċess għall-mediċina m’għandux ikun determinat bil-qawwiet ta’ swieq differenti”, saħaq il-Prim Ministru ta’ pajjiżna li qed juri kemm Malta qed tkun pijuniera li timbotta ‘l quddiem l-prinċipju tas-solidarjetà Ewropea f’kull qasam.
Fil-fatt Malta kienet fost tal-ewwel li mbuttat xiri konġunt tal-vaċċin għall-Covid-19.
Dan wassal li pajjiżi kbar u anki żgħar fl-Unjoni Ewropea waslulhom l-ewwel kunsinji tal-vaċċin fl-istess jiem.
Permezz tal-Prim Ministru tagħha, Malta qed tesiġi li mediċina tkun f’kull stat membru meta kumpanija tal-farmaċewtika titfa’ fis-suq prodott mediċinali.