In-nuqqas ta’ ‘costings’ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fuq dak li jgħid ħolqot kuntrast qawwi mad-dikjarazzjoni tad-deputat Nazzjonalista inkarigat mit-tfassil tal-manifest elettorali, Claudio Grech.
Fuq programm ma’ Reno Bugeja, il-ġimgħa l-oħra, Claudio Grech saħaq li kull ħaġa li se jgħid il-Partit Nazzjonalista se tkun costed.
Bugeja staqsa, “Ser ikunu ‘costed’ il-proposti? Mistoqsija qasira u sempliċi…”
Filwaqt li Claudio Grech wieġeb“Kull proposta hija ‘costed’. Kull proposta.”
Madankollu, f’konferenza tal-aħbarijiet biswit il-bieb tal-Griegi fl-Imdina, evidentament il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma kienx mgħarraf dwar kemm kieku jiġi jiswa l-pjan li qed jgħid li għandu għall-enerġija.
Minflok, meta kien mistoqsi dwar x’piż ser jitfa’ ekonomikament fuq pajjiżna l-pjan li qed jgħid li għandu, Grech qal biss li se jiddiskuti u imbagħad isiru l-kalkoli meta niġu biex indaħħlu idejna fil-but.
Saħansitra ammetta li għad m’għandux pjan dettaljat.
Grech qal, “Fir-rigward tal-ewwel domanda tiegħek jekk dawn ġewx ‘costed’. Kif filfatt ġie indikat tajjeb ħafna minni imma wkoll iktar fid-dettall minn Ryan, din hija viżjoni illi aħna qiegħdin inħarsu lejha u ser inkomplu nkunu qiegħdin niżviluppaw, fil-ġimgħat, fix-xhur li ġejjin. Imbagħad eventwalment iva ser ikollna viżjoni aktar dettaljata wara li nkunu kkonsultajna wkoll mal-imsieħba soċjali kif jien fil-fatt indikajt. Allura iva rridu ndaħħlu idejna fil-but, nagħmlu l-kalkoli neċessarji.”
Imkejjen fid-Dar Ċentrali li tkellmu ma’ ONE News spjegaw kif wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ħamis qed iħossuhom diżillużi quddiem in-nuqqas ta’ preparazzjoni ta’ Bernard Grech.
Li f’aġir sinonimu mal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil deher perpless quddiem il-kalkoli u l-‘costings’ tal-pjan li qed jgħid li għandu.
Il-ġurnalist ta’ ONE staqsa, “Ma nistax ma nkomplix mal-ewwel mistoqsija tal-kollega tiegħi, kemm ser jiġi jiswa dan il-pjan? Jiġifieri int hekk, din il-viżjoni kollha fl-ajru. Nistgħu forsi wkoll nibdew mill-ewwel żewġ miżuri li diġa ħabbart, kemm ser jiġu jiswew taf? Għax anke qisu tidher perpless hekk anke x’ħin staqsiek” u Bernard Grech wieġeb, “Le lanqas xejn ma nidher perpless Colin… Jiena u inti xi darba, xi darba naslu ta.”