Din is-sena mistenni jkompli jikber in-numru ta’ impjiegi u jerġgħu jiżdiedu n-numru ta’ sigħat.
Dan skont il-Bank Ċentrali ta’ Malta fejn saħaq li għal din is-sena n-numru ta’ impjiegi u sigħat mistennija jiżdiedu b’nofs perċentwal.
Sas-sena d-dieħla imbagħad it-tkabbir fl-impjiegi mistenni jlaħħaq it-2.2%.
Dan filwaqt li n-numru tas-sigħat hu mbassar li jiżdied b’5.3%.
Il-Bank Ċentrali qal li dan se jiġri minħabba żieda fin-numru ta’ ħaddiema u ritorn għal sigħat ta’ xogħol li jixbħu aktar lil dawk osservati qabel il-pandemija.
Il‐Bank qed jistma li l-impjiegi huma mistennija li jiżdiedu bi 2.7% fl-2023.
Fir-rapport tiegħu, il-Bank Ċentrali saħaq li minkejja li l-produttività ġiet affettwata minħabba l-pandemija, is-suq tax-xogħol Malti wera livell għoli ta’ reżiljenza fejn saħansitra, is-sena l-oħra, l-għadd tal-impjiegi żdied fuq is-sena ta’ qabel.
Fil-fatt is-sena l-oħra, meta faqqgħet il-pandemija, l-impjiegi żdiedu b’rata medja ta’ 4.3%, meta mqabbla mal-2019.
Il-Bank Ċentrali saħaq li kien hemm għadd ta’ fatturi li waslu għaż-żieda fl-impjiegi fosthom l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi li ta l-Gvern, magħrufa bħala l-Covid Wage Supplement.
Il-Bank qal li miżuri oħra li għenu lin-negozji kienu dawk indirizzati biex jgħinu fil-likwidità.
Fost dawn il-miżuri kien hemm differiment fil-ħlas tat-taxxa u anki l-moratorju fuq self.
Ġie nnutat li n-negozji addattaw sew għall-pandemija, biex bl-għajnuna tal-Gvern u t-trejd unjins, fejn kien hemm sfidi kbar, flok tkeċċew il-ħaddiema, tnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema.
Dawn is-sigħat issa se jerġgħu jibdew jiżdiedu u jirritornaw fil-livell li kienu qabel il-pandemija.