Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma jafx kemm se jiswa dak li sejjaħ bħala pjan għall-enerġija.
“Il-kalkoli nagħmluhom iżjed ’il quddiem.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarijiet biswit il-bieb tal-Griegi barra l-Imdina.
Meta ġie biex isemmi s-suppost pjan tiegħu għall-enerġija, Grech qal biss li se jiddiskuti u imbagħad jara kemm se jiswa.
Saħansitra ammetta li għad m’għandux pjan dettaljat.
“Fir-rigward tal-ewwel domanda tiegħek jekk dawn ġewx ‘costed’. Kif filfatt ġie indikat tajjeb ħafna minni imma wkoll iktar fid-dettall minn Ryan, din hija viżjoni illi aħna qiegħdin inħarsu lejha u ser inkomplu nkunu qiegħdin niżviluppaw, fil-ġimgħat, fix-xhur li ġejjin. Imbagħad eventwalment iva ser ikollna viżjoni aktar dettaljata wara li nkunu kkonsultajna wkoll mal-imsieħba soċjali kif jien fil-fatt indikajt. Allura iva rridu ndaħħlu idejna fil-but, nagħmlu l-kalkoli neċessarji.”
Quddiem in-nuqqas ċar ta’ għarfien dwar il-piż li dan il-pjan, li qed jgħid li għandu, kieku jitfa’ fuq pajjiżna ekonomikament, ONE News kompla jistaqsi l-iktar mistoqsija pertinenti, kemm dan il-pjan li għandu ser jiġi jiswa.
Imbagħad meta komplejna nsaqsuh dwar il-‘costings, Bernard Grech deher skomdu u evażiv għall-aħħar.
Minflok weġibna, ħalla lil kulħadd bla ċifri ta’ kemm jiswew l-affarijiet li qed jgħid li jrid jagħmel.
https://www.one.com.mt/2021/02/18/il-pl-jghid-li-d-diskors-ta-grech-huwa-riciklat-u-minghajr-costings-u-miri-cari/