https://www.youtube.com/watch?v=SYL5HuwQEf0
Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika, l-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra naqas b’iktar minn sbatax fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ sena qabel.
It-Tramuntana ta’ Malta rreġistrat ukoll l-akbar numru ta’ inċidenti fejn seħħew 1,137 każ jiġifieri aktar minn 35% tal-inċidenti kollha.
Fil-fatt Birkirkara kienet l-aktar lokalità li rat inċidenti b’257 inċident filwaqt li Ħal Safi u l-Imdina kellhom biss żewġ inċidenti bejn Ottubru u Diċembru. F’Għawdex, il-lokalità ta’ San Lawrenz rat l-inqas ammont ta’ inċidenti.
Il-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku wkoll naqsu b’iktar minn 18% fl-istess perjodu fl-2019.
68 persuna ġarrbu ġrieħi gravi f’inċidenti li kienu jikkonsistu fi 42 sewwieq, 4 passiġġieri u 22 ċiklist jew persuna li timxi.
Bejn l-aħħar tliet xhur tal-2020 Malta rat fatalità waħda permezz ta’ inċident tat-traffiku għall-kuntrarju tas-6 fatalitajiet li rat fl-2019.
L-irġiel kienu l-maġġoranza tan-nies li ġew midruba gravament u l-unika fatalità kienet fil-fatt ta’ raġel.
Il-ġranet tal-Erbgħa raw l-akbar ammont ta’ inċidenti ta’ traffiku b’516-il każ ġraw f’dan il-jum partikolari. Dan filwaqt li l-akbar ammont ta’ inċidenti jseħħu bejn nofsinhar u t-tlieta.
Intant, fi stħarriġ separat, l-NSO sabet li fit-tieni nofs tas-sena l-oħra, l-ammont ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol li ma kinux fatali naqsu b’iktar minn 27% meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena 2019.
Filfatt kien hemm 1,220 persuna li kienu involuti f’inċident ta’ dan it-tip filwaqt li fl-aħħar sitt xhur tas-sena l-oħra ġew irrapportati erba’ fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol.
Il-maġġoranza ta’ dawn l-inċidenti li ma kinux fatali seħħew fis-settur tal-kostruzzjoni filwaqt 220 inċident ieħor seħħew fis-settur tal-manifattura u wara dan jikklassifika s-settur tat-trasportazzjoni b’132 inċident.
Is-settur tal-minjiera u l-barrieri kellhom biss inċident wieħed matul l-aħħar nofs tal-2020 biex b’hekk kien is-settur li sofra l-inqas ammont ta’ inċidenti tul dan il-perjodu.
Dan għall-kuntrarju tal-istess perjodu fl-2019 fejn is-settur tal-manifattura kellu l-akbar ammont ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol bi kważi 280 inċident.