Il-fabbrika Fresh to Go Foods, kumpanija li bdiet topera fl-elfejn u dsatax billi tixtri u tforni frott u ħaxix, ħabbret investiment ta’ erba’ miljun ewro biex jiġu rinovati l-bini tal-fabbrika, il-makkinarju, il-vetturi u fit-taħriġ li jingħata lill-ħamsin ħaddiem li jaħdmu mal-kumpanija.
Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-fabbrika f’Burmarrad fejn seta’ jsegwi mill-qrib il-proċess rigoruż li jsir ta’ kuljum minn dawn il-ħaddiema sabiex il-ħaxix u l-frott jitqatta’ u jiġi ppakkjat biex imbagħad jiġi kkunsmat.
Matul sena ta’ pandemija, din il-kumpanija wriet reżiljenza qawwija minkejja li bosta stabbilimenti kienu kostretti jgħalqu l-bibien. Għaldaqstant it-tim maniġerjali tal-fabbrika ispira ruħu biex jibda jesplora swieq differenti biex illum il-ġurnata, il-klijenti lokali jkunu jistgħu jgawdu minn prodotti friski li jitwasslu quddiem il-bieb ta’ barra.
Dr Abela rrimarka li l-investiment id f’id mal-professjonalità li jħaddnu l-ħaddiema huma eżempju perfett ta’ kif negozju għandu jopera f’pajjiżna. Dan filwaqt li s-sens ta’ tmexxija u reżiljenza li wriet il-kumpanija tkompli tqawwi ħidmet il-Gvern biex ikun ta’ spalla għan-negozji.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur talkumpanija Matthew Sammut stqarr li bħalissa qegħdin jitħejju pjanijiet biex ikomplu jkabbru l-investiment permezz ta’ proġetti u prodotti ġodda li l-konsumatur juri interess fihom.