F’pajjiżna bħalissa qed terġa’ tinħadem is-serje Ġermaniża Das Boot, li mistennija tħalli fl-ekonomija ta’ Malta seba’ miljun ewro.
Din il-produzzjoni, li tintwera fuq l-istazzjon prominenti Ingliż SKY, hija bbażata fl-eqqel tat-tieni gwerra dinjija fuq il-baħar.
Il-ġbid tas-serje Ġermaniża li se jdum madwar mija u għoxrin jum, se jara aktar minn tmien mitt attur u membri oħra fil-produzzjoni, bil-maġġoranza tagħhom huma Maltin.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon fil-Malta Film Studios, il-Produttur Eżekuttiv tas-Serje Moritz Polter, kellu biss kliem ta’ tifħir għal-pajjiżna, fejn filwaqt li spjega kif matul l-aħħar snin ra tisħiħ enormi tal-industrija tal-films f’Malta, tenna kif qed isib koperazzjoni sħiħa min-naħa tal-Maltin.
Ma naqasx li jinnota l-postijiet pittoreski u storiċi li jsebbħu lil pajjiżna, fosthom fl-Imdina u l-Belt Valletta, li huma sfond sabiħ għall-ġbid tal-produzzjoni.
Polter qal, “I think the film industry has progressed a lot, we have to bring a lot of people back then and now there are more and more crew members here in Malta and also the equipment is starting to become available and don’t have to bring everything anymore which obviously helps us as a production to come and spent more time here. I think the reason why we came here is quite obvious because you have the wonderful water tanks.”
Is-serje Ġermaniża ġibdet episodji oħra fil-passat f’Malta fejn fl-2018 u fl-2019 ħalliet fl-ekonomija ta’ pajjiżna aktar minn sitt miljun ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kummissarju tal-Films Johann Grech spjega kif il-ħidma tal-Kummissjoni anke fi żmien ta’ pandemija waslet għal ħolqien ta’ aktar xogħol ta’ kwalità għall-Maltin.
Grech sostna, “Minkejja l-pandemija, l-industrija tal-films baqgħet għaddejja u n-nies baqgħu jaħdmu minn xogħol għal xogħol fuq produzzjoni għall-oħra. Il-Kummissjoni qed taħdem bis-sħiħ biex inkomplu nattiraw aktar produzzjonijiet li jfissru aktar xogħol fil-pajjiż u l-industrija tħalli aktar flus fl-ekonomija tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega l-ħidma tal-Gvern sabiex isaħħaħ din l-industrija.
Il-Ministru Bartolo tenna, “Aħna qed inkomplu naraw li nkomplu ninvestu f’din l-industrija sabiex b’hekk ikollna anke soundstages f’pajjiżna li permezz tiegħu se nkunu qed nattiraw iżjed produzzjonijiet lejn pajjiżna u għal żmien itwal u apparti min hekk għaddejna l-emenda legali biex estendejna l-cash rebate għal tliet snin oħra.”