Raġel ta’ 42 sena ġie arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum mixli b’konnesjoni ma’ każ ta’ ħruq ta’ karozza ta’ uffiċjal li jaħdem fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-każ seħħ matul il-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Jannar illi għadda, fi Triq San Edwardu, Ħal Qormi.
Il-pulizija rnexxielha tidentifika l-persua li allegatament tat in-nar lill-karozza wara investigazzjonijiet li saru mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri flimkien mal-pulizija tad-Distrett.
Ir-raġel allegatament darab surġent tal-pulizija waqt li kien qed jiġi arrestat fl-Għassa ta’ Ħal Qormi.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta ta’ 11 ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.
Intant fuq post fuq Facebook l-għaqda General Workers’ Union raddet ħajr lill-pulizija ta’ xogħolhom li wassal għall-arrest ta’ persuna.