Ittra li rċieva l-Ministru Carmelo Abela hija wasslet għal laqgħa bejnu u membru fil-korp tal-Pulizija.
PS1182 Chris Formosa huwa stazzjonat mat-Taqsima tal-Klieb tal-Korp. Wettaq ġest sempliċi ma’ ċittadin, li f’turija ta’ gratitudni bagħat ittra li fiha ddiskriva dak li għamel il-Pulizija miegħu. Kieku mhux għal din l-ittra l-ġest kien jibqa’ għaddej, bħalma jkun hemm stejjer oħrajn minn Pulizija minn kull taqsima li jmorru oltre mill-qadi ta’ dmirijiethom u li jibqgħu fis-silenzju.
Ċertu Paul Zammit kiteb li meta kien fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, weħel bil-karozza bejn żewġ karozzi oħra ipparkjati. Bl-ikbar paċenzja, il-Pulizija għenu joħroġ. Meta ċ-ċittadin skopra li l-Pulizija ġej mis-sessjoni tal-klieb, saqsieh xi pariri dwar kelb bi problemi fl-imġieba, u l-Pulizija rriżulta sors tajjeb ħafna għall-pariri.
Il-Minsitru ltaqa’ mas-Surġent Formosa, li qal li jirrapreżenta l-ħafna pulizija li jagħmlu xogħol bil-qalb u mhux dejjem ikun apprezzat.
Is-Surġent Formosa wera x-xewqa li jerġa jiltaqa’ ma’ Paul Zammit u l-kelb tiegħu, iżda sfortunatament dan ma provdiex kuntatti tiegħu.
Ritratti: John Pisani