Madwar 50 impjegat tal-ARMS irċivew ċ-ċertifikat tal-ECDL hekk kif ingħataw it-taħriġ mħallas mill-kumpanija waqt il-ħin tax-xogħol.
Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.
Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv tal-ARMS Silvio Scerri spjega li l-kumpanija ARMS toffri taħriġ differenti lil ħaddiema tagħha, skont il-ħiliet li jkun hemm bżonn fis-sezzjonijiet varji.
Huwa spjega: “L-ikbar intenzjoni tal-ARMS hija li sservi l-klijenti tagħha bl-iktar mod preċiż u spedit u allura anke minħabba l-ammont ta’ diffikultajiet kien hawn riċentament u fejn in-nies tagħna riedu jkunu mobbli u s-servizz jibqa’ għaddej ridna nkunu ċerti li l-għodod li qed jużaw ikunu jafu jużawhom tajjeb u jużawhom fil-massimu tagħhom.”
Ma’ ONE News, tkellem ukoll id-Direttur tat-TCTC, Ray Abela li għen jikkordina dan it-taħriġ.
Huwa stqarr: “Dan il-kors kien ECDL fuq livell beginners kif ukoll avvanzat jiġifieri fuq livell 3 u livell 4 tal-kwalifikazzjoni f’Malta. Sintendi l-kors huwa importanti għax jagħti firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet u programmi li jintużaw f’uffiċċju.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli ferħet lill-ARMS talli tistinka biex lill-ħaddiema ttejbilhom u taġġornalhom il-ħiliet tagħhom.
Hija rrimarkat kif t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema spiss jiġi injorat jew inkella jkun hemm min jaħseb li għadda ż-żmien biex ħaddiem jitħarreġ.
Għalhekk il-Ministru Dalli appellat lill-ħaddiema f’oqsma differenti sabiex ma jaqtgħux qalbhom milli jattendu korsijiet ġodda u jkomplu jtejbu l-ħiliet.
Il-Ministru Dalli sostniet: “Qegħdin nippremjaw lil dawk il-ħaddiema li qegħdin jaraw li jtejbu l-ħiliet tagħhom. Għalina huwa importanti ħafna għaliex l-up-skilling u r-re-skilling tal-ħiliet li għandhom il-ħaddiema jistgħu jpoġġuna f’sitwazzjonijiet biex l-entitajiet tagħna jkomplu joffru l-aħjar servizz lill-konsumaturi li jkunu qed jiltaqgħu magħhom.”