“Meta nitkellmu dwar l-effetti tal-pandemija fuq l-SMEs u n-negozji ż-żgħar, speċjalment dawk fis-setturi marittimi, ma nkunux qed nitkellmu sempliċiment dwar l-ekonomija. Inkunu qed nitkellmu fuq kollox dwar l-għajxien ta’ mijiet ta’ negozji mmexxija minn familji, u allura tal-għajxien ta’ dawn l-istess familji,”
Dan qalu l-Membru tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer waqt konferenza organizzata fuq livell Ewropew bil-għan li jiġu diskussi r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat jew ‘State Aid’ li għandhom japplikaw biex inkunu nistgħu nagħtu l-aħjar sapport possibbli lil-irkupru ta’ reġjuni insulari u marittimi.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal fl-intervent tiegħu, Engerer iddikjara li bħala Membru Parlamentari Ewropew Malti huwa jemmen li fir-rigward tal-SMEs għandu jkun hemm emfasi fuq in-negozji mmexxija minn familji b’tant kburija u tradizzjoni minn ġenerazzjoni għal oħra.
Għalhekk, huwa ddikjara, li l-ħajja ta’ dawn il-familji u l-futur tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu parti kbira minn din id-diskussjoni.
“Din hija r-raġuni għaliex irridu naġixxu, u rridu naġixxu malajr sabiex niżguraw li ma npoġġux il-ħajja ta’ dawn il-familji f’periklu.”
Fid-diskors tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Engerer irrimarka li l-pandemija kixfet numru ta’ dgħufijiet fis-soċjetajiet tagħna, u fl-ekonomiji tagħna li huma partikolarment rilevanti għas-settur marittimu u l-‘blue economy’, li ġew milquta b’mod devastanti mill-imxija tal-pandemija u mir-restrizzjonijiet riġidi, li ġew introdotti madwar l-Ewropa kollha f’tentattiv li jillimitaw it-tixrid tal-virus.
“Mis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura li esperjenzaw tnaqqis f’daqqa fid-domanda għad-dipendenza qawwija ta’ ’coastal regions’ u t-territorji insulari fuq it-turiżmu u s-settur tat-trasport.”
Engerger sostna li huwa importanti li jiġi żgurat li l-fondi jaslu mhux biss f’dawn ir-reġjuni, iżda wkoll f’dawn l-industriji biex jiġi żgurat irkupru ħolistiku għas-soċjetajiet tagħna. Żied jgħid li huwa għalhekk kruċjali li nipprovdu appoġġ lis-settur tat-turiżmu f’reġjuni milquta ħafna, partikolarment għall-SMEs, sabiex jiġu salvagwardjati miljuni ta’ impjiegi madwar l-Ewropa.
Il-Partit Laburista qal li Engerer laqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ttawwal sal-31 ta’ Diċembru 2021 il-Qafas Temporanju tal-Għajnuna mill-Istat li ġie adottat aktar kmieni s-sena li għaddiet bħala tweġiba urġenti għall-pandemija. Madankollu, fil-kummenti tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea waqt il-konferenza, Engerer iddikjara li xtaq jara bidliet li jkunu speċifiċi għar-realtajiet tal-gżejjer Ewropej fl-aħħar reviżjonijiet għall-qafas kurrenti tal-għajnuna mill-istat sabiex jiġi żgurat li l-bżonnijiet speċifiċi tal-gżejjer ikunu verament indirizzati. “Nilqa’ bil-ferħ il-proposta li jkun hemm studju jew evalwazzjoni konġunta fuq il-gżejjer sabiex neżaminaw f’aktar dettall il-piżijiet u l-ispejjeż żejda li l-kumpaniji bbażati fuq il-gżejjer jiffaċċjaw bil-ħsieb li dan jiġi rifless fil-limiti ta’ għajnuna mill-istat li jkunu stipulati fuq livell Ewropew.”
Engerer laqa’ wkoll id-deċiżjoni li jiġi estiż il-qafas temporanju attwali għall-għajnuniet mill-istat fir-rigward taż-żieda fil-limiti massimi ta’ għajnuna u l-possibbiltà li wieħed jittrasforma ċerti ‘repayable instruments’ f’għotjiet diretti sal-aħħar tal-31 ta’ Diċembru 2022. Madankollu, Engerer wissa, li filwaqt li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, m’għandux ikun l-aħħar jew l-uniku pass li jittieħed biex nimxu ‘l quddiem.
L-iżviluppi kontinwi li rajna matul din il-pandemija, jeħtieġu li aħna nkunu flessibbli u li naddattaw kontinwament ir-regoli u l-miżuri eżistenti skont il-ħtieġa attwali, qal Engerer. Barra minn hekk huwa qal li l-impatt tal-pandemija ser jinħass fit-tul u miżuri li qed jiġu ttrattati bħala ‘eċċezzjonali’ u ‘urġenti’ jistgħu jispiċċaw isawru l-istrateġiji tagħna fit-tul għal setturi speċifiċi.
“Għalhekk għandna opportunità u obbligu li nużaw din l-esperjenza biex nindirizzaw, b’mod sostenibbli u fit-tul, il-vulnerabbiltajiet ekonomiċi u soċjali, partikolarment f’reġjuni żvantaġġati, li kienu partikularment esposti permezz ta’ din il-pandemija.”
Engerer ikkonkluda l-intervent tiegħu billi ddikjara li t-twettiq tal-miri inklużi fil-European Green Deal għandu jkun parti minn dawn l-istrateġiji fuq medda ta’ żmien twil u l-għajnuna mill-istat tista’ tkun waħda mill-għodod biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. F’dan ir-rigward għandna bżonn naħdmu fuq valutazzjoni dettaljata dwar kif ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-politiki ta sostenibbiltà jistgħu jaħdmu flimkien mingħajr ma nħallu warajna negozji żgħar u ta’ daqs medju li huma parti integrali mill-ekonomiji tar-reġjuni marittimi u insulari.