Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli spiċċa mgiddeb mill-proġett tal-iskola f’Santa Luċija. Dan wara li f’diskors li għamel f’attività politika l-Ħadd filgħodu, huwa kkritika l-Gvern u qal li dan ma investiex fl-infrastruttura edukattiva f’pajjiżna. Dan filwaqt li qal li Gvern Nazzjonalista dejjem bena skejjel attrezzati b’kull faċilità.
“Aħna kellna idea u bdejna nwettquha, li ma kull kulleġġ skolastiku jkollok il-faċilitajiet kollha, bil-kumplessi sportivi, bil-laboratorji. Waqfu.”
Madankollu ma’ ONE News, is-surmast tal-iskola ta’ Santa Luċija kien spjega kif l-iskola ta’ Santa Luċija kienet tħalliet bla faċiltajiet fejn l-istudenti jagħmlu attivitajiet sportivi ġodda. Saħansitra l-iskola lanqas biss kellha sala.
“L-istudenti hawnhekk u l-komunità ta’ Santa Luċija, il-komunità anke skolastika batew mingħajr din il-binja minħabba l-fatt li minħabba l-elementi tan-natura ħafna drabi ċertu lezzjonijiet u ċertu attivitatjiet bħal pereżempju Prize Day eċċ, dawk kienu jsiru barra l-binja tal-iskola. Issa permezz ta’ din il-binja ser ikollna l-faċilità li l-affarijiet nagħmluhom ġo darna stess.”
Issa dan il-Gvern qiegħed jagħmel tajjeb għal dawn in-nuqqasijiet ta’ amministrazzjonijiet preċedenti b’’investiment ta’ madwar erba’ miljun ewro sabiex it-tfal li jattendu f’din l-iskola u l-komunità ta’ Santa Luċija ser ikollhom faċilitajiet moderni u mill-isbaħ sabiex jew jipprattikaw xi tip ta’ sport jew itellgħu xi attività.