Raġel ta’ 47 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ngħata disa’ xhur ħabs sospiżi għal sena.
Ir-raġel tressaq il-Qorti mixli li nhar il-Ġimgħa li għadda biegħ jew trasferixxa munizzjon lill-persuna li m’għandhiex liċenzja t’arma.
Il-Prosekuzzjoni mmexxijja mill-Ispettur Shawn Pawney spjegat kif nhar il-Ġimgħa li għadda għall-ħabta tat-3:00 ta’ wara nofsinhar daħlet informazzjoni għand il-Pulizija li kienet se ssir transizzjoni bejn l-imputat u persuna magħrufa mal-Pulizija f’Ħal Qormi.
L-Ispettur Pawney qal illi transizzjoni ma saritx dak il-ħin, iżda saret aktar tard fil-jum.
L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ikkunsidrat il-fatt li l-imputat ikkopera mal-Pulizija meta ġiet biex tagħti s-sentenza.