Tul it-tnax-il xahar tas-sena li għaddiet, l-Awtorità tal-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali għamlet elfejn mija tnejn u sebgħin spezzjoni fid-djar tal-anzjani fost oħrajn biex ikun assigurat għoti ta’ servizz adegwat lill-anzjani fost oħrajn.
Minn dawn l-ispezzjonijiet, l-Awtorità ħarġet aktar minn elf u ħames mitt kundizzjoni għal-liċenzjar u rakkomandazzjonijiet dwar l-istruttura, il-kwalità tal-ħajja, l-immaniġġjar tas-servizzi u l-attivitajiet organizzati.
Dan intqal mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia waqt mistoqsija parlamentari f’seduta parlamentari.
Dan il-moniteraġġ mill-Awtorità tal-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali jara li s-servizzi li jingħataw l-anzjani fiċ-ċentri ta’ matul il-jum u fid-djar tal-anzjani jkun tal-ogħla livell.
Wieħed minn dawk li jwettaq l-ispezzjonijiet spjega ma’ ONE News li tul il-pandemija żdied aktar il-moniteraġġ.
Dan anki fl-isfond tal-pandemija.
Zach Valletta li huwa Spettur tal-SCSA spjegalna: “Aħna min-naħa tagħna bħala assessuri konna mmorru naraw li dawn qed jimxu mal-protokolli li ħriġna u fejn kienu qed jiżgarraw xi naqa, ngħinuhom biex jiġu fuq it-triq it-tajba biex kemm jista’ jkun servizz jimpruvja.”
Huwa kompla jgħidilna kif meta jsibu servizz li mhux qed jitħaddem sew, l-assessjaturi jagħmlu rapport u jaraw li s-sitwazzjoni titjieb.
L-assessjatur spjega magħna kif ix-xogħol ta’ moniteraġġ li kien isir qabel il-pandemija ma waqafx, hekk kif xorta baqgħu jaraw li s-serivizz li jingħata fid-djar tal-anzjani, fost oħrajn ikun tal-ogħla livell.
Valletta sostna: “Bqajna naraw ovvjament, li l-istandards fejn jidħlu strutturi, immaniġġjar tal-home, ikel, is-servizz li jtuhom baqa’ tal-ogħla kwalità u fejn stajna ovvjament ngħinuhom, ngħinu lis-service provider biex dan it-tir li għandna aħna li jieħdu l-aqwa servizz possibbli, nilquh.”