Il-Gvern se jgħin lil dawk li riżultat tal-Covid-19 seta’ kellhom il-pensjoni futura affettwata b’mod negattiv.
Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’attività politika fil-Furjana li saret b’konformità mal-istruzzjonijiet mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-Prim Ministru Abela spjega li kawża tal-pandemija jista’ jkun hemm ħaddiema li se jirtiraw sal-2023 li kienu se jispiċċaw b’inqas pensjoni għaliex il-Covid-19 affettwat id-dħul tal-2020.
Għalhekk ħabbar li se tinbidel il-liġi biex il-ħaddiema li naqsilhom id-dħul fl-aħħar sena, jitqiesilhom id-dħul ta’ Jannar u Frar tal-2020, żmien fejn f’pajjiżna kienet għadha ma waslitx il-pandemija, biex tinħadmilhom il-pensjoni. Fil-każ ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li naqsilhom id-dħul fl-2020, se tkun ikkunsidrata l-paga tal-2019.
Dr Abela stqarr: “Jiġifieri se jkollna hawnhekk sitwazzjoni fejn dawk kollha li sofrew telf fil-qligħ tagħhom fl-2020 se jitqies għall-fini tal-pensjoni tagħhom daqs li kieku ma kellhomx telf u allura dan se jissarraf f’pensjoni li bl-ebda mod ma hi se titnaqqas minħabba l-Covid.”
Dan, qal il-Prim Ministru, hu eżempju ieħor ta’ Gvern li ma jinsa lil ħadd. Dr Abela żied ukoll li kull Malti u Għawdxi jaf biċ-ċar min għen u kien ta’ spalla għall-poplu f’din is-sena ta’ sfida.
Din kienet ċara fost l-oħrajn bl-iskemi tal-vouchers, bil-Covid Wage Supplement u anke l-għajnuna fix-xiri tal-propjetà.
Il-Prim Ministru spjega kif dan il-Gvern qed ikun realistiku dwar dak li għaddej madwaru u lissen id-diversi sfidi li għandu quddiemu pajjiżna, fosthom fl-immigrazzjoni. Quddiem din l-isfida, il-Gvern se jqis l-ewwel interess tal-Maltin u l-Għawdxin, u qed jara li jindirizza din il-problema mis-sors tagħha.
Huwa sostna: “Kellek taqlib ukoll politiku fuq in-naħa Libika u hemmhekk baqgħet għaddejja l-ħidma b’saħħitha tal-Gvern tagħna biex inrażżnu l-problema mit-tluq tagħha. Konvinti li dik hija s-soluzzjoni li l-problema tiġi indirizzata mis-sors tagħha.”
Dan b’differenza għall-Oppożizzjoni li qed tipprova tirritorna 50 immigrant lura lejn pajjiżna mil-Libja.
Il-Prim Ministru Abela saħaq: “Kellna membru tal-Oppożizzjoni li llum qiegħed parti f’kawża mas-soċjetà ċivili ta’ Bernard Grech biex iġibu 50 immigranti mil-Libja f’Malta.”
Dr Abela semma wkoll il-problema tal-Air Malta wara li ġiet affettwata b’mod negattiv minħabba l-pandemija, u qal li dan il-Gvern huwa kommess li jsalva lil linja nazzjonali tal-ajru.
Dwar il-ħidma tal-Gvern fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru rrefera għal statistika tal-Ewrobarometru, li wriet li l-Maltin huma l-aktar poplu ottimist dwar il-futur ekonomiku tal-pajjiż. Dan fl-istess żmien li pajjiżna jinsab għaddej bl-aqwa pjan ta’ vaċċinazzjoni fl-Ewropa.
Il-Prim Ministru Abela tenna: “Hija statistika li ma jmeriha ħadd li turi li aħna laqqamna aktar minn 10% tal-popolazzjoni, l-ewwel fl-Ewropa, l-ewwel fl-Unjoni Ewropea f’rata ta’ tilqim ras għal ras. Dak li għamilna f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Abela rrimarka wkoll il-ħidma kbira ta’ dan il-Gvern fil-qasam infrastruttali u anke l-ftehim kollettiv il-ġdid għall-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Hawn irrefera għal kritika riċenti mill-Oppożizzjoni dwar il-ħidma li qed issir f’Għawdex.
Huwa saħaq: “Possibbli tasal titkellem hekk fuq investiment tant kruċjali għal Għawdex u tgħidlu ħrafa ta’ Esopu? Però dik, hija ħbieb tiegħi, id-differenza bejn min verament jemmen fl-Għawdxin u min mhux konvint mill-importanza ta’ Għawdex anke f’dik li hija l-ekonomija tal-pajjiż.”
Dr Abela semma wkoll l-attakk sfrenat fuq kunsillier żagħżugħ tal-Partit Laburista u kif dan jixhed in-nuqqas ta’ twemmin fiż-żgħażagħ.
L-attakk wasal anke mill-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia, li sostna li Carlos Zarb falla l-O-levels tiegħu, minkejja li dan mhuwiex veru.
Il-Prim Ministru Abela sostna: “Ingħaqad dak li jmexxi s-Soċjetà Ċivili ta’ Bernard Grech u fuq il-blogg tiegħu qallu, “Int żagħżugħ li fallejt l-O-levels tiegħek,” ara naqra liż-żgħażagħ kif jippruvaw jiddemoralizzawhom. Issa apparti li mhux vera din tal-O-levels imma lanqas li kienet. Minn bniedem li tagħna l-ikbar falliment fit-trasport pubbliku f’pajjiżna tippretendi li jiġi jattakka żagħżugħ fuq l-O-levels?”
Il-Prim Ministru qal li se jibqa’ jiddefendi b’ħiltu kollha liż-żgħażagħ u l-vuċi li joffru għaliex b’hekk verament inkunu Gvern li jemmen fil-potenzal tagħhom.
Lill-Oppożizzjoni li kritikat lill-Gvern dwar ħatriet ibbażati fuq affiljazzjoni politika, il-Prim Ministru fakkarha f’żewġ ħatriet importanti li saru din il-ġimgħa fosthom f’Kumitat li jirrevedi l-għoti ta’ tenders pubbliċi fejn inħatar Chairman eks kunsillier u eks kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista.
Dr Abela esprima d-diżappunt tiegħu wkoll għall-attakki fil-gazzetti minn esponenti tal-fazzjoni tal-Eks Kap Simon Busuttil dwar l-appelli tiegħu għall-għaqda nazzjonali.
Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru Abela temm jaċċenna għall-kunċett ta’ Tim Malta li qed jadotta dan il-Gvern, li permezz tiegħu qed ikompli jxettel l-għaqda nazzjonali li tant hi essenzjali f’dan iż-żmien ta’ sfida.
Il-Prim Ministru Abela enfasizza: “Il-valur tal-għaqda, il-valur li nħobbu lil xulxin, li naħsbu f’ħaddieħor. Dawn il-valuri sbieħ li tgħallimna jew saħħaħna f’dawn l-aħħar xhur, ejja ħalli nibqgħu naħdmu flimkien sabiex nieħdu lil dan il-pajjiż li tant inħobbu fejn verament jixraqlu.”