Fi Triq it-Tnax ta’ Mejju f’Ħaż-Żebbuġ, Ambjent Malta għaddejja b’xogħlijiet ta’ tisbiħ u restawr ambjentali b’investiment ta’ ħmistax-il elf ewro.
Fost l-oħrajn, qed jitħawlu siġar ġodda, filwaqt li qed jitneħħew speċi aljeni u siġar mejtin.
Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia żar it-triq waqt li kienu għaddejjin ix-xogħolijiet. Huwa qal li dan il-proġett huwa parti minn ħidma kbira biex jitħaddar pajjiżna, speċjalment fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Qal kif, “Hawnhekk fejn ninsabu fi Triq it-12 ta’ Mejju f’Ħaż-Żebbuġ hija triq li hija frekwentata minn ħafna familji Żebbuġin għar-rikreazzjoni tagħhom. Kien għalhekk allura li flimkien m’Ambjent Malta bdejna xogħolijiet ta’ tindif, tħawwil ta’ siġar ġodda, qed jitneħħew siġar li mietu u oħrajn qed jinżabru. Se naraw ukoll li jkun hawn faċilitajiet biex il-familji jkomplu jgawdu din iż-żona rikreattiva viċin fejn joqgħodu u fejn jaħdmu.”
Huwa tenna li t-tkabbir taż-żoni urbani riżulatat tat-tkabbir ekonomiku, m’għandux għafejn jirkeb fuq is-sbuħija naturali f’qalb il-komunitajiet ta’ pajjiżna.