Is-Sibt waranofsinhar Mario Draghi ħa l-ġurament tal-ħatra ta’ Prim Ministru Taljan.
Waqt laqgħa li kellu mal-President Taljan Sergio Mattarella ġewwa l-palazz tal-Quirinale, l-Ġimgħa filgħaxija huwa ħatar ukoll il-Kabinett ġdid tiegħu b’Luigi di Maio taċ-Cinque Stelle mistenni jibqa’ jservi bħala Ministru għall-Affarijiet Barrnain tal-amministrazzjoni l-ġdida.
Draghi, li huwa l-eks Kap tal-Bank Ċentrali Ewropew irnexxielu jikseb il-fiduċja tal-gruppi politiċi prinċipali fil-Parlament Taljan fosthom tal-akbar grupp dak taċ-Cinque Stelle. Bis-saħħa t’hekk, fil-jiem li ġejjin mistenni Draghi jegħleb l-ewwel sfida għalih, dik ta’ vot ta’ fiduċja fil-Parlament Taljan.
Draghi inħatar bħala Prim Ministru wara li fil-bidu ta’ Frar, l-eks Prim Ministru Giuseppe Conte tilef il-fiduċja tal-amministrazzjoni wara diżgwit li kellu ma’ Matteo Renzi sabiex il-koalizzjoni li kellu mal-partit tiegħu sfaxxat. Dan id-diżgwit seħħ b’rabta mal-kontroll fl-Italja tal-pandemija u spejalment fuq il-mod kienu se jintefqu l-flus mogħtija mill-Unjoni Ewropea fil-pakkett ta’ rkupru ekonomiku.
Filfatt, analisti politiċi nnutaw kif fost l-akbar sfidi għall-Prim Ministru ġdid Taljan hija l-mod ta’ kif se jkun qed iqassam u jonfoq il-pakkett ta’ irkupru ekonomiku mgħoti mill-Unjoni Ewropea.
Mario Draghi li hu miżżewweġ u missier ta’ żewġt itfal huwa Ekonomista u għandu tlieta u sebgħin sena.
Fost il-karigi li okkupa tul il-karriera politika tiegħu huwa serva bħala Gvernatur tal-Bank tal-Italja, Chairman tal-Bord għall-Istabbilità Fiskali u wara serva għal tmien snin bħala Kap tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Filmat: Bloomberg