“Aħna ivvotajna kontra minħabba li l-post huwa zgħir, joħloq problema ta’ parkeġġ, iwaqqa’ l-valur tal-bini li hemm u joħloq l-istorbju. Ghax dawn in-nies, li għandhom dritt li jitolbu, jibdew anke mal-erbgħa ta’ filgħodu.”
Kliem il-kunsillier Raymond Tabone, wara li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar b’mod unanimu ħareġ kontra applikazzjoni biex garaxx u post terran jinbidlu f’post ta’ talb għal persuni bi twemmin Iżlamiku.
L-istess proprjetà ilha tintuża bħala post ta’ talb għal xhur, minkejja li ma kienx hemm permessi.
“Ġibduli l-attenzjoni r-residenti ta’ Triq il-Mazzola, u fl-14 ta’ Settembru ktibt lill-Kunsill Lokali. Ġbidt l-attenzjoni dwar l-appliakzzjoni u li qed joperaw illegalment bħala post ta’ talb. Sieħbi l-Kunsillier Alfred Grima kiteb li għandha tkun fuq l-agenda imma jiddispjaċini ngħid li is-Sindku ddeċidiet ma tagħmilhiex bħala item fuq l-agenda tal-laqgħa li kellna. Pero’ kellha titla’ bħala korrispondenza, minħabba l-ittra li ktibt jien” sostna magħna Tabone.
Il-parkeġġ, l-istorbju u l-valur tal-bini kienu biss parti mill-oggezzjonijiet, sostna Tabone. Żied jgħid li waqt il-laqgħa tkellmu ma’ rappreżentant tal-komunità Musulmana u ma’ residenti jesprimu l-opinjoni.
Ma’ sorsi oħra s-sindku Graziella Galea qalet li l-kunsill għamel rapport uffiċjali mal-Pulizija biex iwaqqaf it-talb li qiegħed isir bla permess fi Triq il-Mazzola. Diversi huma l-opinjonijiet – b’mezzi oħra tax-xandir u persuni fuq social media jemfasizzaw il-fatt li Bugibba jilqa’ fi ħdanu bosta postijiet ta’ talb li mhux talb Musulman, u dan mingħajr tgergir.
Aħna staqsejna lin-nies hemmx bżonn Moskea oħra, fejn it-talb isir bil-permess.