Kien lejl b’differenza, għajr il-kesħa li mhux l-ewwel darba ħakmet il-Karnival.
Is-soltu jitilgħu bil-karrijiet biex iħejju għall-isfilati tar-renju tal-bluha f’dawn il-jiem iżda din is-sena spikkat il-ħemda, għajr xi ċaqliqa ta’ biċċa minn struttura karnivaleska li hemm f’postijiet differenti fil-Belt.
ONE News qatta’ parti mil-lejl ta’ bejn il-Giovedi Grass u l-Ġimgħa, isegwi lid-dilettanti tal-Karnival, jarmaw dawn l-istrutturi li għalkemm hemm baħar jaqsam ħdejn il-karrijiet trijonfali li kienu jidħlu l-Belt fis-snin l-imgħoddija, xorta jnisslu sens t’apprezzament lejn dawn in-nies li jaħdmu lejl u nhar għal spettaklu kkulurit li jġib anki l-ferħ fost dawk l-aktar ċkejknin.
Id-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta, is-Sur Jason Busuttil spjega kif minħabba l-imxija, il-Karnival ta’ din is-sena qed jiġi ċċelebrat b’mod ridott ħafna iżda n-nies li jkunu fil-kapitali xorta jistgħu jieħdu togħma tal-Karnival.
Iżda anki dawk fi djarhom, mhux se jduqu biss il-prinjolata iżda l-Karnival se jkunu jistgħu jsegwuh kif jistgħu wkoll.
Id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil spjega: “Dak li jkun jista’ jiġi jarahom meta jidħol il-Belt, għandna installazzjonijiet madwar il-Belt li tista’ kemm tmur u tarahom, u forsi jkun hemm xi tfal jieħdu ritratt magħhom, b’daqshekk ma jkun ġara xejn. Hemm affarijiet oħra li se nagħmlu fuq il-midja soċjali, bħal dokumentarji fuq FestivalsMalta.MT. wieħed jista’ jsegwi l-Karnival anke minn fuq il-midja soċjali.”
Intant minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, id-dilettanti tal-Karnival xorta ħadmu qatigħ biex f’każ li l-awtoritajiet japprovawh, isir il-Karnival tas-sajf f’Settembru li ġej skont struzzjonijiet ċari.
Busuttil sostna: “Li nista’ ngħid żgur hu li l-Karnival 2022 hu magħluq u hemm rekord ta’ parteċipanti, hemm aktar minn sebgħa ġodda, u l-garanzija għalih se tkun kbira.”