Il-Bord tal-MATSEC nieda sett ta’ miżuri separati biex studenti li se jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC xorta jkunu kwalifikati kif xieraq, anke jekk għamlu wħud mill-iktar eżamijiet kruċjali fi żmien pandemija.
Din is-sena dawn l-eżamijiet se jsiru f’Ġunju, u se jsegwu miżuri li kienu ġew deċiżi qabel ma’ bdiet din is-sena skolastika, kif spjega d-Direttur tal-MATSEC, Dario Pirotta.
Fost l-oħrajn, is-sillabu tal-Matematika, wieħed mis-suġġetti ewlenin, naqas għal dawk li se jagħmlu l-eżami tas-SEC fl-2022. L-istudenti se jkollhom ukoll anqas poeżiji x’jistudjaw mis-sillabu tal-Malti, u jistgħu jippreżentaw ħames eperimenti li għamlu tul is-snin fil-Fiżika, minflok ħmistax.
Id-direttur tal-bord tal-Matsec Dario Pirotta spjega li studenti li se jagħmlu l-eżamijiet tal-Matsec sentejn oħra, se jintalbu jippreżentaw għaxar rapporti jew esperimenti minflok ħmistax biex jiksbu kwalifika fil-Fiżika. L-assessjar fuq is-suġġetti ewlenin l-oħra se jibqa’ simili bħal dak tal-2022.
“Il-bord tal-MATSEC fehem li s-sillabu għandu jitbiddel, imma ridna nżommu l-integrità tal-kwalifika. L-istudent li se joħorġu b’dan iċ-ċertifikat wara li jkunu għamlu dawn l-eżamijiet, se jkollhom l-istess validità”.
Id-direttur tal-bord tal-Matsec żied jispjega li l-ebda kwalifika m’għandha tkun meqjusa anqas minn oħra:
“Jiġifieri, li student li din is-sena jew sena oħra biċ-ċertifikat tal-MATSEC, mhu se jkollu xejn anqas minn ċertifikati li ħriġna qabel jew li se noħorġu fil-futur”.
Pirotta temm jispjegalna li tul dan il-proċess, il-Bord tal-MATSEC kkonsulta ma’ għalliema u professjonisti fl-oqsma kollha li jiġu mgħallma fl-iskejjel:
“Dik kienet xi ħaġa importanti, li waqt li rajna kif qed jimxu l-iskejjel u rriflettejna dan fis-sillabi, rajna li t-tnaqqis ikun biżżejjed biex nimmitigaw ċertu sfidi fl-iskejjel imma ma nonqsux mill-kwalifika”.