Kumpanija lokali qed tipparteċipa fi proġett massiċċ sabiex toħloq innovazzjonijiet f’aspetti loġistiċi marbuta mas-settur tal-avjazzjoni.
Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici fil-kumpanija HandsOn Systems fit-Technopark tal-Mosta.
Kumpanija li fl-aħħar 10 snin applikat ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex toħloq teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda bil għan li tikkumerċjalizzahom ma’ diversi klijenti lokali u anke internazzjonali.
Fil-fatt, fost oħrajn fl-aħħar snin din il-kumpanija ħolqot soluzzjonijiet f’vetturi elettriċi u applikazzjonijiet li jużaw l-aħħar teknoloġiji, fl-oqsma tat-tracking u fil-qasam tal-internet tal-oġġetti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija Geoffrey Farrugia sostna li din il-kumpanija llum timpjega 35 persuna fil-qasam tar-riċerka filwaqt li fetħet suq u għandha uffiċini reġjonali f’diversi inħawi madwar id-dinja, fosthom l-Italja, l-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Awstralja u l-Amerika t’Isfel.
Huwa wkoll spjega b’mod konkret kif il-ħidma ta’ din il-kumpanija taffettwa l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Qal, “Jekk inti għandek l-iskips f’villaġġ tajjeb biex inżommu l-iskips dejjem vojta tkun taf kemm huma mimlijin. Tajjeb ukoll għal min imur ibattal biex ma joqgħodx imur ibattal għalxejn jekk huma mimlijin. Jiġifieri dak fost ħafna proġetti u riċerki oħrajn aħna ħafna drabi naqbdu application li hija neċessarja. Jiġifieri ħafna drabi r-riċerka tagħna ma tkunx riċerka li ma tolqotx ħafna nies.”
Il-Ministru Bonnici sostna li dan il-Gvern se jkomplu jkun ta’ spalla għal dawn il-kumpaniji.
Spjega, “Dan huwa l-futur għal pajjiżna u aħna se nkomplu nagħtu l-appoġġ kollu tagħna biex aktar kumpaniji bħal dawn jagħmlu lil pajjiżna aktar b’saħħtu għal ekoloġija ta’ innovazzjoni biex inkunu preparati minn issa għall-isfidi mhux biss ta’ llum iżda anke ta’ għada.”