Żagħżugħ Malti ta’ 17-il sena huwa fost għaxar persuni li ġew arrestati f’investigazzjoni internazzjonali massiċċa li ġiet ikkordinata mill-Europol, u li fiha ħa sehem fost l-oħrajn il-Korp tal-Pulizija Malti. Dawn l-għaxar persuni ġew arrestati b’rabta ma’ serje ta’ attakki virtwali fuq persuni ta’ profil għoli u ċelebritajiet fl-Istati Uniti, u l-Pulizija mir-Renju Unit, mill-Belġju, mill-Kanada u l-Istati Uniti stess, wkoll kellha irwol f’din l-investigazzjoni.
Fi stqarrija l-Korp tal-Pulizija qal li hu maħsub li l-allegat kriminali rnexxielhom jiksbu n-numru privat tat-telefon tal-vittmi, u b’hekk seta’ jkollhom kontroll fuq l-apparat tagħhom, u jibdlulhom il-passwords. Il-Pulizija ddeskriviet dan il-fenomenu bħala sim swapping, jiġifieri li l-vittma tteħidlu n-numru billi ġiet diżattivata s-sim card fl-istess telefon, u n-numru kien trasferit għand persuna oħra.
Minn din l-investigazzjoni ħareġ fost l-oħrajn li b’hekk insterqu aktar minn mitt miljun Dollaru Amerikan fi cryptocurrencies, u ġew aċċessati illegalment diversi profili soċjali tal-vittimi, minn fejn saħansitra anke ntbagħtu messaġġi qarrieqa. Il-Pulizija f’Malta bdiet tinvolvi ruħha f’din l-investigazzjoni f’Novembru tal-2019, meta t-taqsima tar-reati virtwali rċeviet informazzjoni mill-Istati Uniti dwar suspett li persuna Maltija allegatament daħlet b’mod illegali fi profili ta’ Instagram ta’ diversi ċelebritajiet, u bdiet tirrikattahom. Aktar tard sar magħruf li l-istess persuna kienet parti minn ċirku li kien qed jiġi investigat mis-Servizz Sigriet Amerikan.
Minn hawn, din it-taqsima flimkien ma’ dik tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, arrestat żagħżugħ ta’ 17-il sena b’mandat ta’ arrest f’Novembru 2019. Wara tfittxija fid-dar fejn kien jgħix, il-Pulzija sabitlu apparat elettroniku, ħwejjeġ lussużi u apparat ieħor li allegatament inxtara b’karti tal-bank misruqa. Mill-analiżi li baqgħet tinġabar eventwalment ġie stabbilit li seta’ kien hemm membri oħrajn f’dan il-grupp kriminali f’pajjiżi oħra, u mill-informazzjoni miġbura mill-Pulizija Maltija, it-Tlieta li għadda ġew arrestati tmien persuni fil-Kanada, fir-Renju Unit u fil-Belġju. Din l-operazzjoni saret ukoll bl-għajnuna tal-Europol. L-investigazzjonijiet dwar iż-żagħżugħ Malti għadhom għaddejjin, iżda l-akkużi kontrih mhux se jinħarġu sa ma jiġi stabbilit eżatt x’kien l-involment tiegħu f’dan il-grupp.