Sorsi fil-Kurja Għawdxija saħqu ma’ ONE News li l-Qorti Kriminali f’Malta ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Dun Ġużepp Sultana ta’ 84 sena u Dun Ġużepp Cini ta’ 71 sena.
Dan wara li l-Avukati Difensuri fetħu rikors sabiex iż-żewġ saċerdoti jinħelsu mill-arrest, liema talba ma sabitx l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.
It-Tnejn 1 ta’ Frar iż-żewġ saċerdoti li fost l-oħrajn huma akkużati b’abbuż sesswali u stupru fuq abbati minoreni bejn l-elfejn u tlieta u l-elfejn u ħamsa, tpoġġew taħt att ta’ akkuża wara li tressqu biżżejjed provi fil-konfront tagħhom.
Fl-aħħar seduta fil-Qorti t’Għawdex xehdu ħames persuni, fosthom l-Isqof ta’ Għawdex Dun Anton Teuma u l-Kap tas-Safeguarding Commission tal-Knisja Andrew Azzopardi.
Waqt ix-xhieda kien intqal fost oħrajn li l-vittma kien qed jibża’ jirrapporta l-allegati abbuż lill-Pulizija.
Fl-ewwel seduta fis-sebgħa u għoxrin ta’ Jannar li għadda, fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Monica Vella kien xehed il-vittma, li rrakkonta kif Dun Ġużepp Sultana allegatament abbużah sesswalment kemm fil-konfessjonarju kif ukoll fis-sala kapitulari tal-Bażilika tax-Xagħra.
L-allegat vittma xehed ukoll taħt ġurament li Dun Ġużepp Cini stuprah fid-dar tiegħu kif ukoll fil-karozza fid-dawl tax-xemx fil-kampanja.
Fi stqarrija l-Kurja tad-Djoċesi ta’ Għawdex kienet qalet kif is-sena li għaddiet hija ssospendiet liż-żewġ saċerdoti milli jwettqu s-servizz tal-quddiesa.
L-istess stqarrija ħarġet ukoll fix-xhieda li għaddiet, hekk kif Andrew Azzopardi kien informa lill-Isqof Mario Grech, illum Kardinal u lill-Isqof preżenti Dun Anton Teuma biex l-akkużati ma jibqgħux iqaddsu.