Ingliż ta’ 43 sena u żewġ Somali ta’ 32 u 37 sena ġew arrestati b’rabta ma’ serqa ta’ ammont ta’ flus u xi fliexken tax-xorb minn stabbiliment fi Triq Santu Wistin f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ tul il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta, u wara, il-Pulizija daħlitilha informazzjoni li fil-bajja ta’ San Ġorġ kien hemm żewġt irġiel ibigħu x-xorb, li qabel ma’ dak misruq.
Iż-żewġ Somali ġew arrestati u wara aktar stħarriġ ġie identifikat ir-raġel l-ieħor.
Huma ttieħdu l-lock-up tal-pulizija għal aktar investigazzjonijiet filwaqt li bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Joseph Mifsud li ħatar diversi esperti biex jgħinuh fl-inkjesta li ħatar.