F’aġġornament ekonomiku li ħareġ illum, il-Bank Ċentrali nnota fatti pożittivi ta’ rkupru fl-ekonomija Maltija matul it-tielet trimestru tas-sena l-oħra, waqt pandemija.
F’rapport dettaljat, il-Bank Ċentrali qal li bejn Lulju u Settembru li għadda, l-prodott domestiku gross żdied b’7.4% wara tnaqqis fl-ewwel żewġ trimestri tas-sena 2020.
Dan it-tkabbir ġie riżultat fil-konsum privat, fi żmien meta l-Gvern ta l-ewwel rawnd ta’ vouchers wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar din l-injezzjoni ekonomika fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
L-indiċi tal-bank dwar il-kundizzjoni tan-negozju tjieb marġinalment, u r-rapport innota żieda minima ħafna fil-qgħad.
Fil-fatt skont stħarriġ tal-forza tax-xogħol, kemm il-ħaddiema u l-impjiegi komplew jiżdiedu fuq bażi annwali matul Lulju, Awwissu u Settembru li għadda.
Hawnhekk il-Bank Ċentrali jinnota kif fit-trimestru tal-2020, ir-rata tal-qgħad ta’ pajjiżna kienet kważi n-nofs tal-medja fiż-Żona Ewro.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jgħid ċar u tond li dan kien dovut l-aktar għall-miżuri ta’ appoġġ qawwi li ta l-Gvern u l-mod kif in-negozji addattaw għal sitwazzjoni ta’ sfida bla preċedent.
Miżura ewlenija li salvat l-impjiegi kienet dik tal-għajnuna fil-ħlas tal-pagi magħrufa bħala l-Covid Wage Supplement.
L-inflazzjoni battiet ukoll matul it-tielet trimestru filwaqt li l-finanzi pubbliċi, anki jekk żdied id-dejn u d-defiċit, il-qagħda fiskali ta’ Malta baqgħet waħda favorevoli meta mqabbla mal-medja taż-Żona Ewro.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali hawnhekk isemmi li l-pandemija laqtet id-dħul tal-Gvern u anki l-miżuri li saru biex jitwieżnu n-negozji u l-familji ħallew impatt fuq il-bilanċ tal-Gvern.