Il-PBS se jkun qiegħed jappella minn sentenza mogħtija mit-Tribunal Industrijali l-ġimgħa li għaddiet, li ordnat lill-istazzjon nazzjonali jħallas lill-eks Kap Eżekuttiv tal-PBS John Bundy, €226,489.
Dan wara li t-Tribunal ħass li Bundy għandu jieħu dan il-kumpens għaliex tkeċċa inġustament.
Fi stqarrija l-PBS qal li l-bord tad-diretturi tal-PBS ħa tliet pariri legali indipendenti li lkoll kienu tal-fehma li hemm bażi soda għall-appell.
Il-bord tal-PBS qal li se jkun qiegħed iħares l-interessi tal-kumpanija kif inhu fid-dover li jagħmel.
L-istqarrija temmet tgħid li l-PBS huwa kumpanija ta’ xandir pubbliku b’obbligi nazzjonali fejn l-istazzjon huwa parzjalment iffinanzjat minn fondi pubbliċi u għalhekk se jimxi b’reqqa u responsabilità.