Ajruplan reġistrat f’Malta tat-tip Embraer Phenom 100 tal-linja tal-ajru Luxwing ħa n-nar mal-inżul tiegħu fl-ajruport Le Bourget f’Pariġi wara li kellu xi ħsara fil-mekkaniżmu tar-roti. Rapporti fil-midja internazzjonali qed jgħidu li l-ajruplan kellu jinżel mingħajr ir-roti fejn kawża tal-ħsarat l-ajruplan tkaxkar għal diversi metri tul il-mitjar sakemm eventwalment waqaf ‘l barra mill-istess mitjar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:00 ta’ filgħodu fejn xhieda li raw l-inċident qalu li mal-inżul, l-ajruplan deher jitkaxkar u jieħu n-nar. Immedjatament fuq il-post marru ħaddiema tat-tifi tan-nar stazzjonali fl-ajruport fejn f’madwar minuta tfew in-nirien u taw l-ewwel għajnuna lill-bdoti li sofrew ġrieħi ħfief.
Kawża tal-inċident l-ajruport kellu jingħalaq għal numru ta’ sigħat sakemm il-Bureau of Investigation and Analysis of Civil Aviation mexxiet investigazzjoni dwar dan l-inċident.