Fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kawża tal-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar it-tliet sptarijiet. Konrad Mizzi llum beda x-xhieda tiegħu billi għamel stqarrija ġuramentata u spjega kif kien sar il-proċess li wassal għall-ftehim tat-tliet sptarijiet.
L-avukat Debono li qed jidher għal Adrian Delia m’aċċettax dan. Huwa minflok ivverbalizza li Dr Mizzi huwa obbligat li jwieġeb sakemm ma jinkriminax ruħu. Adrian Delia argumenta li Dr Mizzi ma jistax jidher bl-avukati u għalhekk dak li jgħidu m’għandux jitniżżel fl-atti. L-Imħallef ordna sabiex Dr Mizzi jagħmel l-istqarrija tiegħu.
Delia argumenta kontra l-qari ta’ din l-istqarrija. Hawnhekk huwa rħielha jgħajjat, bl-imħallef Francesco Depascuale widdbu u qallu li jippretendi ċertu rispett lejn il-Qorti. Qallu li jekk jerġa’ jmur kontra d-direzzjoni tal-Qorti jitfgħu ’l barra mill-awla.
Fl-istqarrija Dr Mizzi spjega kif dan il-proġett kien intlaqa’ tajjeb mill-pajjiż, inkluż mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Spjega kif għas-sejħa għall-offerti kien hemm tliet offerti li minnhom intgħażel wieħed bl-approvazzjoni tal-Kabinett. Spjega kif il-kabinett dejjem baqa’ mgħarraf bix-xogħol li kien qed isir. Stqarr kif il-Kabinett ta mill-inqas 14-il approvazzjoni dwar il-proġett. Wara Konrad Mizzi rrifjuta li jwieġeb kull mistoqsija li saritlu minħabba li stqarr li l-ewwel irid ikun ħieles li jixhed biex jagħmel dan. Spjega kif dan ġej minħabba inkjesta li bħalissa hemm għaddejja dwar l-istess kwistjoni.
Fil-Qorti xehed ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Turiżmu u protezzjoni tal-konsumatur, Ronald Mizzi. Huwa spjega kif kien mitlub jippreżenta koppja tal-addendum ta’ mitt miljun li ġie ffirmat bejn Steward Healthcare u l-Gvern. Huwa spjega li ma jeżisti l-ebda addendum ta’ dan it-tip iżda spjega li hemm biss kuntratt bejn il-Gvern, Steward Healthcare u l-Bank of Valletta. Spjega li huwa qed jippreżenta koppja ta’ dan il-kuntratt. Huwa ġie ordnat fil-Qorti sabiex fis-seduta li jmiss jippreżenta koppja ta’ kull kuntratt li seta’ emenda l-ftehim kif sar oriġinarjament. Ronald Mizzi spjega kif Steward Healthcare bdew imorru l-bank jitolbu ammont ta’ kreditu u l-bank ħass li kellu bżonn salvagwardji oħra. Spjega kif kien għalhekk li sar dan il-ftehim li ppreżenta fl-awla.
Intant f’seduta oħra, minkejja li t-tmexxija tal-Oppożizzjoni qalet li se tkun qed tappoġġja lil Adrian Delia f’din il-kawża, l-ebda deputat u lanqas il-Kap tal-Oppożizzjoni ma kien preżenti, minkejja li wiegħed mod ieħor.