Il-kumpanija Multi Packaging Ltd, li ilha topera fis-settur tal-manifattura għal dawn l-aħħar ħamsa u ħamsn sena, qed tinvesti ħames miljun u mitejn elf ewro biex issaħħaħ l-ħidma tagħha.
Waqt żjara li għamlet il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia, ġie spjegat li l-kumpanija qed tinvesti f’infrastruttura ambjentalment sostenibbli u li tipprovdi aktar effiċjenża fl-enerġija kkunsmata u fl-operat. Il-kumpanija rċievet l-għajnuna minn Malta Enterprise biex setgħet għamlet dan l-investiment.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-pandemija wriet kemm dan is-settur huwa reżiljenti, u fakkret li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jattira investiment ġdid u jkompli jsaħħaħ dan il-qasam.
Hija qalet, “Il-politika tagħna hi mifruxa fuq tliet binarji: li nsostnu l-industrija speċjalment f’dan iż-żmien, li nattiraw investimet ġdid u li ngħinu kumpaniji eżistenti biex jinvestu aktar. Hekk qed nagħmlu ma’ Multi Packaging Ltd. Qed naraw li nappoġġaw dan l-investiment ta’ aktar minn ħames miljun ewro biex biex il-kumpanija tkabbar in-negozju tagħha, anke lejn swieq barranin.”
Il-kumpanija timpjega mat-80 ħaddiem u għandha rwol kruċjali għas-suq lokali. Il-general manager tal-kumpanija, Brian Muscat, iddeskriva ż-żjara tal-Ministru Dalli bħala waħda li timlih b’kuraġġ.
Is-Sur Muscat stqarr: “Aħna nimmanifatturaw u nissupplixxu kumpaniji ewlenin f’Malta. Iż-żjara tal-Ministru timlina b’entużjażmu għax qed naraw l-għajnuna anke minn Malta Enterprise, biex flimkien dan is-settur inġibuh aktar importanti u b’saħħtu biex ikun pilastru għall-ekonomija Maltija.”