L-ammont ta’ anzjani li għandhom ħamsa u tmenin sena jew aktar li ddaħħlu l-isptar Mater Dei għall-kura minħabba l-Covid-19, naqas bi tmenin fil-mija fl-aħħar ġimgħat.
Dan skont riżultati preliminari ppubblikati fi studju mħejji mill-Isptar Mater Dei.
F’artiklu ppubblikat fis-Sunday Times of Malta intqal li fl-aħħar ġimgħa ta’ Jannar, kienu biss sitt pazjenti ta’ ħamsa u tmenin sena jew aktar li ddaħlu l-isptar kawża tal-Coronavirus filwaqt li fl-ewwel ġimgħa tas-sena kienu daħlu tmienja u għoxrin.
F’kummenti li ta d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, saħaq li dawn ir-riżultati huma inkoraġġanti għaliex ix-xjenza ma tfallix.
Dan in-nuqqas konsiderevoli fin-numru ta’ anzjani l-isptar, seħħ fl-istess żmien li dan il-grupp ta’ nies fis-soċjetà bdew jitlaqqmu kontra l-COVID-19, u allura minkejja li r-riżultati tal-istudji huma biss preliminari, dan in-nuqqas jagħti kuraġġ lill-awtoritajiet li l-vaċċin qed ikun effettiv.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar pożittiva waqt il-programm Paperscan fuq ONE, il-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia appella għall-kawtela.
Qal kif, “Il-poplu Malti u Għawdxi jrid ikompli josserva d-direzzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Hekk biss nistgħu nikkontrollaw, hekk biss nistgħu naraw ir-riżultati jkomplu jitjiebu, hekk biss flimkinen mat-tilqim illi, nerġa’ nirrepeti qegħdin l-ewwel fir-rollout fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, nistgħu nerġgħu anki f’dan is-settur inkunu suċċess.”
Dan l-istudju mistenni jkompli josserva l-pazjenti ta’ kull età li jidħlu fl-isptar hekk kif aktar nies jitlaqqmu.
Fil-fatt aktar riżultati informattivi mistennija jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin.