Stħarriġ tal-opinjoni pubblika ppubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday juri li l-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat iktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Dan l-istħarriġ bejn iż-żewġ mexxejja taż-żewġ partiti politiċi l-kbar ma jvarjax wisq minn dak li ħareġ xahar ilu u d-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa l-istess bħal dak tal-2017.
Dr Abela huwa fdat iżjed minn Dr Grech kważi f’kull kategorija ta’ età u saħansitra fost il-kategorija żagħżugħa, dik ta’ bejn is-16 u l-35 sena, Robert Abela jaqbeż lil Bernard Grech bi 12%. Il-Prim Ministru huwa iżjed fdat mill-Kap Nazzjonalista fost l-irġiel u n-nisa, iżda fost in-nisa, igawdi iżjed appoġġ.
Intant meta l-istħarriġ ħares lejn l-appoġġ li għandhom il-partiti politiċi, iż-żewġ partiti naqsu ftit fuq l-istħarriġ ta’ xahar ilu. L-istħarriġ jinnota wkoll li l-Partit Laburista żamm iżjed votanti miegħu li vvutawlu fl-aħħar elezzjoni ġenerali mill-Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li 78.5% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017 jerġgħu jagħżlu lill-Partit Laburista, huma 71.5% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017, li jerġgħu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista issa. Jirriżulta wkoll li 15.2% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista erba’ snin ilu, huma indeċiżi lil min jivvutaw. Dan għall-kontra tal-Partit Laburista li għandu 4.9% fuq din il-kategorija. Fost l-iktar kategorija żagħżugħa Robert Abela jaqbeż lil Bernard Grech bi 12%.