Justin Dimech ta’ disgħa u għoxrin sena mill-Gżira baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li pprova joqtol persuna f’attentat li jqabbad l-appartament tagħha.
Dimech tressaq il-Qorti s-Sibt waranofsinhar u kien akkużat b’attentat ta’ qtil, traffikar u pussess ta’ droga fost oħrajn.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley u Shawn Pawney spjegat li l-Ġimgħa filgħodu, il-Pulizija rċeviet rapport li għall-ħabta tat-tmienja u nofs, persuna sfat aggredita.
Jirriżulta li Justin Dimech allegatament daħal fl-appartament tal-vittma li ismu ma jistax jixxandar wara divjett fil-Qorti, sgassa l-bieb, xerred likwidu aċċellerant, daħal fl-ensuite tal-appartament u tah in-nar.
Il-vittma rnexxielu jaħrab u anke jitfi n-nar b’riżultat li sofra xi ħruq.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li wara l-każ, il-Pulizija marru fir-residenza tal-akkużat fejn instabu ammonti sostanzjali ta’ sustanza kannabis.
Fil-fatt, dwar dan il-Prosekuzzjoni qalet li Dimech spjega mal-Pulizija li kien qed ibigħ il-ħaxixa biex jixtri l-kokaina għat-tipjip.
L-Avukat Charles Mercieca talab għal Ordni ta’ Protezzjoni fil-konfront tal-vittma u qrabatu, liema talba ġiet milqugħa għal 4 snin.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/02/05/arrestat-fuq-attentat-ta-qtil-dalghodu-allegatament-beda-jxerred-il-petrol-u-ta-n-nar-fappartament/