Bdew diskussjonijiet bejn il-Ministeru għall-Enerġija u l-Kunsilli Lokali biex issir ħidma konġunta ħalli jkun iffaċilitat l-aċċess għal kits li se jkunu qed jingħataw lir-residenti biex jiġi frankat l-użu tal-ilma.
L-irwol tal-Kunsilli Lokali fil-kampanja bl-isem ta’ “L-ILMA – Ibda Minnek” se jkun dak li jipprovdu għajnuna fit-tqassim u jagħtu spazju addizzjoni fil-binja tal-Kunsill Lokali stess minn fejn ir-residenti jkunu jistgħu jiġbru dawn il-kits.
Il-kampanja, immexxija mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, hija mifruxa fuq tliet snin bil-għan li teduka dwar il-konservazzjoni tal-ilma, imma mhux biss.
L-Aġenzija se tkun qed tqassam għodda li tista’ titwaħħal ma’ apparat tal-ilma fid-dar biex jonqos il-konsum tal-ilma.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Ilma fi ħdan l-Aġenzija, Michael Schembri, qal li bħala parti minin din il-kampanja, se jsiru diversi attivitajiet biex tkompli titqajjem aktar kuxjenza fuq livell nazzjonali dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma.
Is-Sur Schembri stqarr: “Il-kampanja nazzjonali dwar il-konservazzjoni tal-ilma qed iddur l-irħula f’Malta u Għawdex biex nedukaw lin-nies fuq bidliet żgħar li jistgħu jagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum biex nikkonservaw l-ilma peress li huwa riżorsa vera skarsa fil-gżejjer Maltin.”
Din l-inizjattiva bdiet b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, u se tkompli fi bliet u rħula oħra fix-xhur li ġejjin.
Hija qalet, “Bħala Kunsill qegħdin nippruvaw ngħinu l-Aġenzija biex dawk in-nies ma laħqux jew mhumiex joħorġu mid-dar tagħhom għax huma house-bound, ħa niftehmu biex aħna l-Kunsill immorru fid-dar tagħhom jew inkella forsi nestendu xi jumejn oħra biex kulħadd ikun jista’ jieħu dan il-kit.”
Waqt żjara fil-mobile unit taż-Żurrieq, il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, spjegat li din il-kampanja qed issir id f’id mal-politika tal-Gvern li jkun hemm effiċjenza fl-użu tal-ilma.
Il-Ministru Dalli saħqet: “L-Energy and Water Agency qiegħda f’diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex naraw li jkollna sitwazzjoni fejn Kunsilli Lokali jkunu qegħdin joffru anki post ieħor minn fejn ir-residenti tagħhom ikunu jistgħu jieħdu dawn il-kits tal-ilma biex anki huma jkollhom il-possibilità li jikkontrollaw il-ħela tal-ilma.”