Wirt iż-Żejtun ħabbar it-tielet Simpożju tiegħu bit- tema “Niskopru x-Xlokk ta’ Malta”.
Dan ir-reġjun, li jiġbor fih, l-akbar port fix-Xlokk ta’ Malta, kosta mill-isbaħ bl-ekosistemi tagħha u b’industriji speċifiċi marbutin magħha bħas-sajd u l-estrazzjoni tal-melħ mill-baħar, kif ukoll bosta siti t’importanza arkeoloġika, storika u reliġjuża, jixraqlu żgur wisq aktar attenzjoni milli ingħatatlu s’issa.
Kulħadd jaqbel li għad fadal ħafna xi jsir, bħal per eżempju fil-qasam tal-konservazzjoni u preservazzjoni tal-ħafna siti storiċi, li ftit ftit qed jisparixxu. It-turisti li jersqu lejn ix-Xlokk ta’ Malta isiru jafu biss b’Għar Dalam u Marsaxlokk, dan ta’ l-aħħar bħala raħal tipiku tas-sajjieda. Li hija ħasra, għas- sempliċi raġuni li tant għandu aktar x’joffri x-Xlokk!
Kif jista’ dan ir-reġjun jiġi żviluppat b’mod sostenibbli, li jippermetti l-ħarsien tal-ambjent rurali u naturali, l-iżvilupp ekonomiku u l- konservazzjoni tal-wirt kulturali fl-istess ħin? Se jindirizza s-simpożju li se jitratta dawn it-temi, il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Perit Ruben Abela, il-President ta’ Wirt iż-Żejtun, ser jagħti stampa ta’ l-istorja militari ta’ dan ir- reġjun hekk kif inhi riflessa fil-bini militari li għadu jeżisti, li ftit minnu biss kellu x-xorti li jiġi restawrat jew addattat għall-użu iehor. Michelle Borg mill-Awtorita’ tal-Ippjanar se tipproponi li l-għarfien tal-kumplessita’ tas-sistemi kostali tista’ tgħin fil-ħolqien ta’ soluzzjonijiet alternattivi għall-użu tal-kosta, liema soluzzjonijiet imbagħad jissalvagwardjaw l-ekosistemi u fl-istess ħin jippermettu lil komunitajiet lokali biex jagħmlu użu sostenibbli mill- kosta.
Il-Kuratur tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Sharon Sultana se titkellem dwar il-bosta tipi ta’ fdalijiet li jinsabu fil-Mużew u kif dawn jistgħu jintużaw biex wieħed jirriċerka u jerġa’ “jibni”, biex tgħid hekk, siti storiċi li jkunu għebu. Dr. Nadia Theuma, riċerkatriċi stabbilita fl-oqsma tat-turiżmu, l-iżvilupp kulturali u “regional branding”, se tagħti ħarsa lejn il-wirt rurali u agrikolu tar-reġjun u se tanalizza l-potenzjal tiegħu bħala destinazzjoni turistika, kif ukoll se titkellem dwar l-impatt soċjo-ekonomiku illi attivita’ bħal din ikollha fuq ir-reġjun u l-komunitajiet tiegħu.
Din l-ideja se tiġi diskussa u żviluppata aktar fil-fond minn kelliema diversi. Is-soċjologu ta’ l- istorja, Comm. Prof. George Cassar se jiddiskuti l-possibilta’ li wieħed jiżviluppa r-reġjun tax- Xlokk għal hekk imsejjaħ, turiżmu reliġjuż. Dr. Jason Bonnici u l-Perit Ruben Abela se jipproponu li jinħoloq Park Nazzjonali għar-reġjun tax-Xlokk, fejn kull min iżuru ikollu l- opportunita’ li jiskopri dak kollu li r-reġjun għandu x’joffri fl-oqsma tal-istorja u l-wirt kulturali. Il-Perit Daphne Fenech u l-Perit Katya Sammut ukoll se jippreżentaw il-proposta tagħhom li jinħoloq hekk imsejjaħ “heritage park”, bil-għan li jiġi żviluppat il-potenzjal tal-wirt kulturali tax-Xlokk, kif ukoll biex jiġu imħarsa s-siti importanti ta’ dan l-istess reġjun. Proġett bħal dan jgħin ukoll biex jinħolqu opportunitajiet ġodda t’attivita’ kummerċjali, kif ukoll biex jissaħħu dawk diġa’ eżistenti. Is-Sur Alex Muscat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ser jitkellem dwar il- Park Nazzjonali tal-Inwadar, proġett tal-gvern bil-għan ewlieni li jiġi protett l-ambjent naturali, fl-istess ħin li n-nies ikollhom post fejn jirrekrejaw ruhhom.
Se tagħlaq is-Simpożju, Tracey Ann Vella Cumbo, is-Segretarja ta’ Wirt iż-Żejtun, li hi ukoll gradwata fl-Arkeoloġija u l-Immaniġġar tal-Wirt Kulturali, bil-proposti tagħha għal miżuri li jistgħu jiġu introdotti sabiex jinħolqu benefiċċji soċjali, ekonomiċi u kulturali għar-reġjun li imbagħad iwasslu għal suq sostenibbli li jpoġġi lix-Xlokk fuq il-mappa bħala destinazzjoni turistika.
Is-Simpożju hu miftuħ għal pubbliku in ġenerali u kull min hu interessat li jattendi, hu ġentilment mitlub li jibgħat email lil Wirt iż-Żejtun fuq l-indirizz elettroniku wirtiz-zejtun@gmail.com. Is-Simpożju se jsir nhar is-Sibt 8 t’Ottubru fil-Villa Sant’Anna, Triq il- Qaliet, Wied il-Għajn u jibda fit-8.30 ta’ filgħodu. Kull min għandu għal qalbu x-Xlokk ta’ Malta u l-wirt kulturali tiegħu, hu mħeġġeġ li jattendi.