Malta, permezz tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin laqgħet ir-riżultat tal-elezzjoni għall-Gvern tranżitorju tal-Libja.
Dan hekk kif matul din il-ġimgħa, f’Ġinevra l-Iżvizzera saret laqgħa bejn membri differenti ta’ gruppi opposti biex tinstab soluzzjoni dejjiema għal tmexxija magħquda tal-Libja.
Il-Ġimgħa filgħodu saret elezzjoni bejn il-membri sabiex jiġu magħżula l-Prim Ministru flimkien ma’ tliet persuni fil-Kunsill tal-Presidenza Libjana.
L-ebda grupp li qed jintanta xortih sabiex jieħu t-tmun tal-pajjiż b’mod temporanju ma ġab il-maġġoranza ta’ 60%.
B’hekk l-aktar żewġ gruppi li ġabu voti f’dan l-ewwel rawnd ta’ elezzjoni se jergħu jmorru għall-elezzjoni oħra, biex min iġib il-50% u vot jieħu t-tmun temporanju tal-Libja.
Dan qed isir taħt il-kappa tal-Ġnus Magħquda, fejn dan kollu qed isir sabiex ikun hemm l-għaqda f’dan il-pajjiż wara l-waqgħa tar-reġim ta’ Gaddafi.
Dan il-Gvern, li se jkun magħżul b’mod temporanju, se jkun fit-tmum sakemm issir elezzjoni ġenerali f’Diċembru li ġej.
Fl-istqarrija, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti kompla jgħid kif iħares ‘il quddiem sabiex tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn Malta u l-Libja.