Minkejja l-pandemija u ż-żmien li matulu l-knejjes f’pajjiżna kienu magħluqin, in-nies ħassewhom viċin il-Knisja aktar minn qatt qabel.
Qal dan Monsinjur Charles Cordina, il-vigarju għall-ħidma soċjali u ta’ karità, waqt it-tnedija ta’ studju li sar mill-Caritas.
Qal kif, “Il-Knisja mhix għax in-nies imorru l-quddies jew għax in-nies imorru fil-Knisja, imma għax kif qed jgħidilna l-Papa, irridu mmorru barra u noħorġu fil-periferija u din l-epidemija tatna l-opportunità biex aħna mmorru nfittxu lin-nies speċjalment lin-nies li kienu mġarrba li qed ibatu t-tbatija, tant hu hekk li morna nqassmulhom l-ikel, ikel sħun, hampers, bdejna nċemplulhom anki fil-Milied bdejna nċemplu lin-nies li konna nafu li huma waħedhom jiġifieri din tatna l-opportunità biex inkunu qrib in-nies.”
L-istudju li sar għat-tielet sena konsekuttiva mill-Caritas, stabilixxa l-ammont tad-dħul minimu li bniedem għandu bżonn biex jgħix ħajja sempliċi imma diċenti.
L-istudju sar fost tliet tipi ta’ familji – familja tradizzjonali magħmula minn żewġ adulti u żewġt itfal, familja b’ġenitur wieħed u żewġt itfal, u koppja anzjana.
Meta sar l-istudju dwar id-dħul bażiku, ġew ikkunsidrati ċertu affarijiet essenzjali bħall-ikel, ħwejjeġ, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, il-housing u l-manutenzjoni tad-dar.
F’dinja li qed tavvanza, dan l-istudju kkunsidra wkoll l-ispejjeż marbuta mat-teknoloġija.
Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li din id-darba saret enfasi fuq familji li għandhom xi membru b’diżabilità.
Spjega li, “L-iktar familji li jbatu huma fejn hemm multiple severe disabilities allura l-bżonnijiet ta’ apparat, ta’ mediċina, jekk ikun hemm xi kundizzjonijiet bħal coeliac per eżempju, hemmhekk il-bżonnijiet jikbru b’mod esaġerat.”
Il-Caritas ħarġu b’ħamsa u għoxrin rakkomandazzjoni frott ir-riżultati minn dan l-istħarriġ, fosthom biex jiġi rivedut il-mekkaniżmu ta’ kif jinħadem il-COLA, u biex jinħoloq istitut għar-riċerka dwar il-faqar u l-ġustizzja soċjali.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela ġie ppreżentat bid-dokument imħejji mill-Caritas waqt laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja.
Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt irringrazzja lill-Prim Ministru talli dejjem ta widen għal dak li tkun fasslet il-Caritas filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-gvern huwa impenjat li jibqa’ jkun qrib ta’ għaqdiet bħal Caritas u jaġixxi fuq l-ideat li jippreżentaw.