Disgħin familja li jgħixu fil-qasam tad-djar t’akkomodazzjoni soċjali ta’ Bormla gawdew minn investiment ta’ seba’ mitt elf ewro.
Dan l-investiment fost l-oħrajn ssarraf fit-tisbiħ tal-faċċati, manutenzjoni tal-bjut u xogħlijiet fil-partijiet komuni ta’ 13-il blokka, rinovar tal-opramorti u rinovar tal-faċċati u tal-gallariji.
Dan il-proġett huwa parti mill-investiment tal-Gvern ta’ żewġ miljun u sitt mitt elf ewro li permezz tiegħu ġew riġenerati sitta u erbgħin blokka li tejbu l-ambjent għal ħames mitt familja.
Waqt żjara fil-blokok ta’ housing soċjali fi Triq Alessandra f’Bormla, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes tenna li dawn ix-xogħlijiet jagħmlu wkoll differenza fil-ħajja tar-residenti tal-madwar.
Qal kif, “Hemm bżonn ukoll li tiġi rriġenerat biex anke ż-żona tieħu dera ġdida u fl-istess ħin inkunu noħolqu komunità aħjar u kwalità ta’ ħajja residenti. B’dak li qegħdin nagħmlu hawn mhux biss qed nuru li aħna jimpurtana mill-kwalità ta’ ħajja tal-familji tagħna, mhux biss qed nibnu housing soċjali ġdid imma wkoll nirriġeneraw għax nemmnu li dawn għandhom bżonn l-għajnuna għall-mobilità soċjali.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega l-importanza li bi proġetti bħal dawn jiżdiedu l-ammonti ta’ djar għal skop soċjali u li jieħduhom minn ħaqqu.
Spjega, “Dan juri li daqs kemm huwa importanti li nibnu stock ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali, daqshekk huwa importanti li ma ninsewx l-blokok eżistenti. Naħseb li x-xogħlijiet li qed nagħmlu ġewwa Bormla juri x-xhieda ta’ dan u aħna l-iskop tagħna huwa propju li mhux biss nirranġaw il-binja iżda li kull familja li tgħix f’dawn il-blokok ikollha ħajja aħjar.”