L-inklussività, iż-żgħażagħ u l-persuni b’diżabilità huma fost il-prijoritajiet għall-Kamra tal-Kummerċ għax huma fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku, għas-sostenibbiltà tal-ekonomija kif ukoll għax jgħollu l-kwalità tal-ħajja tan-nazzjon kollu u mhux biss ta’ dawk it-tliet oqsma partikolari. Għall-Kamra tal-Kummerċ dawn huma prijoritajiet li ma jistgħux jintesew.
Stqarr dan il-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb fi tmiem żjara li delegazzjoni tal-Kamra għamlet lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif parti importanti ħafna fil-mixja tal-inklużjoni hija l-għarfien li wieħed joħloq mhux biss madwar is-soċjetà imma fuq il-postijiet tax-xogħol.
Fost is-suġġetti diskussi waqt il-laqgħa ġiet trattata l-Aġenda għal Żvilupp Sostenibbli 2015-2030 adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda f’Settembru 2015, aġenda li tagħmel wegħda qawwija ħafna mal-persuni b’diżabilità.
Tul il-laqgħa, il-Ministru Farrugia Portelli ddiskutiet mad-delegazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ l-allinjament reċiproku u l-ingaġġ tematiku fit-tħaddim ta’ diversi miri elenkati fl-Aġenda 2015-2030 tal-Ġnus Magħquda. L-ingaġġ tematiku jgħin lill-investituri jindirizzaw b’mod proattiv temi ambjentali, soċjali u ta’ governanza fi ħdan il-kumpaniji u ażjendi tagħhom.