Il-ħidma governattiva sabiex jiġu ritornati gruppi ta’ immigranti li ma jikkwalifikawx għall-ażil kompliet tħalli l-frott.
Dan hekk kif fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ħabbar li ġie ritornat grupp ieħor ta’ immigranti lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Il-Ministeru spjega kif dan seħħ f’operazzjoni ta’ ritorn mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija permezz ta’ titjira minn Malta.
Fil-fatt, l-immigranti li ġew ritornati oriġinaw kollha minn barra mill-Unjoni Ewropea u waslu Malta rregolarment bil-baħar is-sena l-oħra.
L-immigranti kienu skortati minn uffiċjali tal-Pulizija u tim mediku matul it-titjira lejn il-pajjiż tal-oriġini. Ir-ritorn sar b’ħarsien sħiħ tal-protokolli relatati mal-COVID-19, inkluż it-testijiet neċessarji għal passiġġieri kollha.
Parti sostanzjali mill-ispejjeż relatati ma’ din l-operazzjoni ġew koperti minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Fl-istqarrija, il-Gvern fakkar kif il-ħidma ta’ ripatrijazzjoni ma tiddependix biss mill-ħidma tal-awtoritajiet Maltin imma anke b’rieda tajba mill-pajjiż tal-oriġini tal-immigranti inkwistjoni.