Fil-Wasteserv għaddej tisħiħ fir-riżorsi permezz ta’ ingaġġ ta’ iżjed spetturi li ħa jkollhom irwol importanti fi ħdan il-faċilità tal-WasteServ.
Dylan Casha, spettur tal-Wasteserv spjega x-xogħol li jagħmel biex l-iskart jiġi riċiklat.
Qal kif, “Aħna hawnhekk xogħolna huwa li niċċekkjaw li t-trakkijiet minn barra qed jiġu bi skart magħżul, il-borża s-sewda tkun sewda kollha u li l-griża ma jkunx fiha affarjiet oħrajn imħalltin magħha”
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, stqarr li l-iċċekjar tal-iskart jinkludi wkoll dak l-iskart li jmur fil-miżbla.
Stqarr ukoll li se jittieħdu ritratti waqt il-ħatt tal-iskart bħala evidenza biex jkun aċċertat li kollox huwa konformi mad-dikjarazzjoni tal-iskart magħmula mill-kolletturi huma u deħlin fl-impjant.
Iċ-Chairman tal-Wasteserv, il-Professur Frank Bezzina, qal li permezz tax-xogħol li ħa jwettqu dawn l-ispetturi ingaġġati, l-iskart ħa jkun jista’ jintrema kif suppost u r-regoli kollha jkunu osservati.
Fi żjara fil-kumpless tal-ECOHIVE, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, stqarr li dawn ir-regoli ġodda se jkunu importanti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ dawk kollha li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-Wasteserv.
Spjega li, “Qegħdin naraw li ħa jkunu qegħdin imexxu sett ta’ regolamenti ġodda biex b’hekk jitnaqqsu l-aċċidenti hawnhekk fil-post tax-xogħol imma aktar importanti minn hekk, l-ispezzjonijiet se jirduppjaw biex b’hekk inkomplu nimxu lejn il-miri ta’ riċiklaġġ internazzjonali li għandna quddiemna.”