Fil-Parlament qed tiġi diskussa liġi li biha titwettaq b’mod sħiħ il-wegħda tal-Gvern li jagħti lura fi ġranet leave l-btajjel pubbliċi u l-festi nazzjonali li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.
Fil-bidu tad-diskussjoni ta’ din il-liġi li tinsab fl-istadju tat-tieni qari, il-Ministru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru u responsabbli mit-twettiq tal-manifest elettorali, Carmelo Abela, fakkar kif Gvern Nazzjonalista ħa l-leave tal-ħaddiema tal-ġranet tal-festi pubbliċi u nazzjonali li jaħbtu s-Sibt u l-Ħadd.
Dan bl-iskuża li ried itejjeb il-produttività u l-kompettitività ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li fuq medda t’aktar minn għaxar snin, Gvern Nazzjonalista ħa ħamsin ġurnata leave lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Huwa qal, “Din il-bidla li seħħet fl-elfejn u ħamsa fissret li minn dak iż-żmien, mis-sena elfejn u ħamsa sas-sena elfejn u sbatax insterqu madwar ħamsin ġurnata leave lill-ħaddiema tagħna.”
Il-Ministru Carmelo Abela qal li wieħed jista’ jaħseb x’kien jagħmel Gvern Nazzjonalista llum, fejn hawn sfidi ferm akbar u bla preċedent.
Huwa tenna: “Jekk dak iż-żmien ħass li kellu jaqta’ l-ġranet tal-leave, il-festi pubbliċi li jiġu s-Sibt u l-Ħadd u dawn ma jiżdiedux mal-ġranet tal-leave x’kien jagħmel illum allura meta naturalment il-gravità tas-sitwazzjoni ma kinitx gravi kif inhi llum”.
Il-Ministru Abela tenna l-impenn tal-Gvern li din is-sena jwettaq din il-wegħda b’mod sħiħ biex b’hekk il-ħaddiema jkollhom iżjed ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom.
Huwa saħaq: “Il-Gvern Laburista minn din is-sena li ninsabu fiha se jiggarantixxi l-btajjel pubbliċi kollha li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa jiġu kkumpensati bi ġranet addizzjonali ta’ leave u kif għedt fil-bidu dak li nwiegħdu nwettquh u hekk qed nagħmlu b’dan l-abbozz ta’ liġi.”