Il-Whip tal-Gvern, Glenn Bedingfield, kellu messaġġ b’saħħtu kontra d-dibattitu dwar żieda fis-salarji tal-Membri Parlamentari f’dan il-perjodu, meta l-pajjiż għandu bosta prijoritajiet oħra, bħas-saħħa u l-ekonomija.
Glenn Bedingfield kien qed jitkellem f’seduta Parlamentari li matulha, ġiet approvata proposta mill-Kummissjoni Elettorali dwar bidliet fid-distretti elettorali li jirriflettu l-movimenti fil-popolazzjoni.
Fil-fatt, b’din il-mozzjoni, elf, tliet mija u għoxrin votant minn Ħaż-Żebbuġ se jimxu mis-seba’ distrett għas-sitt distrett, filwaqt li aktar minn elf u mitejn votant ieħor fin-Naxxar se jimxu mit-tnax-il Distrett għall-għaxar Distrett.
Dawn il-bidliet saru id f’id mal-liġi li tassigura li kull distrett f’Malta jkollu bejn ħamsa u għoxrin elf, ħames mija u sitta u sebgħin votant, u tmienja u għoxrin elf, mitejn u tmienja u sittin votant.
Intant, il-Whip tal-Gvern saħaq li l-ebda politiku mhu part-time.
Huwa stqarr: “Aħna mħallsin ta’ part-time għax imħallsin skont kemm nattendu għas-sessjonijiet tal-Parlament imma min hu politiku huwa politiku full-time jiġifieri jekk hawn xi ħadd jaħseb li hawn xi ħadd fil-politika part-time u jibda jaħdem ta’ politiku mill-erbgħa ta’ waranofsinhar sas-sebgħa mit-Tnejn sal-Erbgħa u jieqaf il-Ħamis, il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd, allura aħna ma nkunux politiċi? U filgħodu ma nkunux politiċi?”
Glenn Bedingfield qal li ma jemminx li dan huwa ż-żmien ideali meta għandha tiżied l-onorarja tal-Membri Parlamentari.
Hu sostna: “Mhux iż-żmien, hemm ħafna iktar prijoritajiet, is-saħħa tan-nies, l-ekonomija, dawk għandhom jiġu l-ewwel mhux jekk il-Membru Parlamentari għandux jitħallas ta’ full-time jew ta’ part-time, iva hawn tant affarijiet, dik tinkwetakom? Kemm l-MP se jitħallas?”
B’referenza għad-dikjarazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli l-ġimgħa li għaddiet, meta qal li l-Kamra tar-Rappreżentanti qed issir irrelevanti, il-Whip tal-Gvern qal li jħossu privileġġat li jitkellem f’isem min eleġġieh fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
L-Onor. Beddingfield tenna: “Inħossni privileġġat kull meta nitkellem hawnhekk bil-leħen tan-nies f’dan il-Parlament għaliex aħna hawnhekk rappreżentanti tan-nies u aħna rappreżentanti għax in-nies ivvutawlna, għax in-nies urew fiduċja fina u għalhekk kull Membru ta’ din il-Kamra għandu jħossu privileġġat għax intagħżel minn ħaddieħor biex jitla’ jitkellem f’din il-Kamra.”