“Huwa kellu ħila unika ta’ kif jgħaġen il-fidi tiegħu mal-ħidma vasta tiegħu bħala avukat, bħala politiku, bħala bniedem li ħadem għal ġid taż-żgħir u ta’ dawk kollha li fittxewh għall-għajnuna, għall-parir u anke għall-kelma ta’ faraġ.”
Hekk iddeskriva lil Joe Micallef Stafrace, il-Kappillan u Pirjol tal-Parroċċa Dumnikana tal-Belt, Michael Camilleri fl-aħħar tislima li ngħatatlu t-Tlieta filgħodu.
Fr Camilleri, kien ilu snin jaf lil Dr Micallef Stafrace u viżibbilment imbikkem iddeskriva lill-Parruċċan tiegħu bħala raġel ġentlom u sinċier, li minkejja li għadda minn mumenti ta’ tbatija, il-fidi tiegħu dejjem urietu d-dawl.
Waqt l-Omelija, l-Kappillan fakkar fid-diversi mumenti li kien ikollhom flimkien u saħansitra semma kif fost l-oħrajn Joe flimkien ma’ martu Yvonne kien mar fuq missjoni Dumnikana fil-Brażil.
Fr Camilleri qal li t-telfa ta’ Micallef Stafrace, li twieled ftit bibien ‘l isfel mill-Knisja, hija telfa wkoll għall-Komunità Dumnikana, u minkejja n-niket li ġġib magħha l-firda, għal Dr Micallef Stafrace tfisser il-bidu tal-festa għall-ħajja ta’ dejjem.
Dr Micallef Stafrace żgur se jibqa’ ħaj fil-memorji ta’ dawk li kellhom ix-xorti li jiltaqgħu u saħansitra jaħdmu miegħu, fosthom l-eks Editur tal-ġurnal l-Orizzont Josef Caruana, li bi kliemu deher ir-rispett lejn ir-raġel ġgant fil-ġurnaliżmu.
Is-Sur Caruana stqarr: “Dr Joe kien anke fl-umiltà tiegħu kien kbir, kien ġgant tal-ġurnaliżmu tal-kitba, tal-pinna u anke tal-politika, imma b’mod partikolari baqa’ umli dejjem fil-messaġġ tiegħu u dejjem għaraf li jwassal, jagħti u jgħallem lil ħaddieħor li ġie warajh, ġenerazzjonijiet warajh. Kien bniedem kbir fl-opinjoni tiegħi.
Għall-funeral attendew l-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, bosta deputati min-naħa tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, l-eks Prim Ministri Alfred Sant u Joseph Muscat kif ukoll membri tal-Ġudikatura.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/29/ara-xkien-ghallem-micallef-stafrace-matul-hajtu-dwar-il-pinna-tal-gurnalist/