Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet magħha sfidi għal kulħadd, imma permezz ta’ nofs miljun ewro mogħtija mill-Gvern u minn SportMalta, klabbs sportivi differenti setgħu jkomplu joperaw bl-aħjar mod possibbli, fosthom dawk tal-Waterpolo.
Il-President tal-klabb tal-Exiles, Andrew Paris, qalilna li l-għajnuna tal-Gvern għenet ħafna għal bosta raġunijiet, fosthom għaliex setgħu jitħallsu l-pagi kemm tal-kowċis kif ukoll tal-plejers.
Qal kif, “Irnexxielna nibqgħu għaddejjin bl-attivitajiet tagħna kemm tas-swimming, kemm tal-waterpolo u kemm fil-kbar u fiż-żgħar u anke nisa u allura l-atleti tagħna jistgħu jitħarrġu b’mod regolari. Din ovvjament hija ta’ soljev kemm għall-atleti u kemm għalina li nkunu nistgħu nibqgħu għaddejjin bil-kompetizzjonijiet u bil-preparamenti tagħna. Nispera li jkollna staġun kważi normali fejn meta tqabblu ma’ barra fejn l-istaġunijiet qed jieqfu l-ħin kollu, naħseb għandna fortuna kbira li nistgħu nagħmlu dan.”
Tkellimna wkoll ma’ Matthew Zammit, il-Viċi President tal-klabb ta’ San Ġiljan, li rringrazzja lil SportMalta ta’ din l-għajnuna u talli femhu s-sitwazzjoni li kienu għaddejjin minnha l-klabbs f’pajjiżna.
Spjega, “Ovvjament inkomplu ninvestu fit-tfal u fin-nursery kif ukoll fit-tim tan-nisa u tal-kbar. Però l-iżjed ħaġa imporanti għalina bħalissa f’dan l-istadju li nkomplu naħdmu f’dan il-proġett tal-pixxina tal-klabb ta’ San Ġiljan. Għandna ħafna spejjeż bl-istudji ta’ taħt il-baħar u permessi, jiġifieri żgur li se nsibu x’nagħmlu b’dawn il-fondi.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar tenna l-importanza ta’ dawn il-fondi lill-klabbs sportivi, fosthom dawk tal-waterpolo.
Qal kif, “Ngħataw f’żewġ postijiet differenti per eżempju kull min juża l-faċilitajiet ta’ Sport Malta ma ħallasx il-faċilitajiet tiegħu fl-elfejn u għoxrin. Barra minn hekk, kull min kellu art u allura jkollu ċ-ċens biex iħallas lil din l-art Sport Malta halsitlu ċ-ċens tiegħu. Bla dubju ta’ xejn kienet waħda notevoli għaliex il-klabbs fi żmien il-pandemija batew, batew mill-introjtu, batew ukoll biex jibqgħu għaddejjin f’mumenti diffiċli u allura inċentiv bħal dan ta’ nofs miljun ewro għen lill-klabbs u l-assoċjazzjonijiet differenti biex ikomplu għaddejjin.”